Il-pjan Ewropew għar-rilokazzjoni tal-immigranti jaf itir mar-riħ

Is-sistema tal-burden sharing obbligatorju għall-immigranti irregolari mressqa mill-Kummissjoni Ewropea tinsab f’riskju li ma tiġix approvata waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li se ssir aktar tard dan ix-xahar fi Brussell.
Għal din il-laqgħa se jattendi wkoll il-Prim Ministru Joseph Muscat.
Fil-ġranet li għaddew, il-Kummissjoni Ewropea ressqet il-proposta li l-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea jieħdu immigranti mill-Italja u l-Greċja iżda ressqet ukoll pjan ġdid għar-rilokazzjoni biex fi żmien sentejn jiġu rilokati mal-20,000 refuġjat minn pajjiżi terzi.
Sorsi qrib il-Kummissjoni Ewropea li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li l-oppożizzjoni li l-Kummissjoni qed issib hija l-biża li fost ir-refuġjati li se jiġu rilokati jkun hemm estremisti jew terroristi.
Qalu iżda li dawn il-persuni ġew identifikati bħala refuġjati mill-Għola Kunsill għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Magħquda għalkemm il-maġġoranza se jiġu mis-Sirja.
Is-sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li r-Renju Unit, l-Irlanda u d-Danimarka għandhom id-dritt li ma jipparteċipawx f’dan il-pjan għar-rilokazzjoni u burden sharing awtomatiku u wisq probabbli mhux se jivvutaw waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew.
Jidher li biex dan il-pjan jidħol fis-seħħ irid ikun hemm qbil fost il-maġġoranza tal-pajjiżi membri fl-Unjoni.
Is-sorsi qalu li l-Kummissjoni Ewropea se teħtieġ it-72% tal-voti favur tal-mexxejja tat-28 pajjiż membru.
Qalu wkoll li l-Kummissjoni Ewropea trid vot favur qabel mal-Presidenza Ewropea tgħaddi mil-Latvja għand il-Lussemburgu.
L-Unjoni Ewropea trid ukoll li n-Nazzjonijiet Magħquda jgħaddu riżoluzzjoni favur l-użu tal-forza biex jinqerdu d-dgħajjes li jużaw it-traffikanti tal-bnedmin fil-Mediterran.
Dan biex jieqfu l-vjaġġi bl-immigranti irregolari mil-Libja. Għaldaqstant ir-Russja, li għandha l-veto, mhix taqbel mal-pjan Ewropew.