Filmat: Il-pjaċir li toffri s-soċjetà ma jfissirx li hu ferħ – L-Isqof Mario Grech

Read in English.

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li s-soċjetà toffri ħafna riċetti biex il-bniedem jieħu pjaċir. Imma l-pjaċir mhux ferħ. Dan qalu fl-okkażjoni tal-Festa ta’ Santa Marija u l-għeluq tas-Sena Marjana. Id-dinja tan-negozju taf li l-bniedem għandu dan il-bżonn naturali li jkun ferħan u tinvesti ħafna biex tbegħelna dak li taparsi huwa ferħ. Qal li d-dinja daħħlet f’moħħ il-bniedem, li biex wieħed mingħalih ikun ferħan, kollox huwa permess.

L-Isqof Grech qal li għandu jħassibna l-fatt li wasalna f’punt fejn il-bniedem qed jipproponi li l-kannabis tkun legalizzata għal “użu rikreattiv”, li fi kliem ieħor ifisser li qed noffru droga biex il-bniedem ikun ferħan.

Hu spjega kif waħda mill-kawżi ta’ nuqqas ta’ ferħ hu l-fatt li kulma jmur il-bniedem qiegħed dejjem jinqata’ għalih waħdu. L-Isqof Grech qal li wieħed iġarrab il-ferħ meta jsib ruħu f’relazzjoni ma’ xi ħadd li jaf li jħobbhom u li għandu interess ġenwin fil-persuna. Hu stqarr li jixtieq li l-Knisja f’pajjiżna tagħmel xi ħaġa biex tgħin lill-bniedem ikun ferħan. Qal li flimkien mal-ħidma tal-Knisja biex tkun qrib il-batut u lil min hu mgħobbi bis-slaleb tal-ħajja, dan jista’ jsir fuq kollox bix-xandir tal-Vanġelu u l-għoti tal-għajnuna biex wieħed jilqa’ d-don tal-fidi.

L-Isqof ta’ Għawdex qal li jekk il-ferħ jiġi minn relazzjoni ma’ persuna li tħobbna, mela x’inhu l-ferħ sopranaturali li jimla qalb il-bniedem li jidħol f’relazzjoni ma’ Ġesù Kristu li jħobb mingħajr kejl.

Tul is-Sena Marjana, l-Isqof qal li kien hemm diversi mumenti fejn tefgħu ħarsithom fuq Marija. Stqarr li kien sinifikattiv ħafna l-Affidament lil Marija, kemm meta kienu flimkien bħala djoċesi f’Ta’ Pinu, kif ukoll meta dan sar fil-komunitajiet parrokkjali. Qal li fix-xhur li għaddew kien hemm diversi mumenti li kebbsu d-devozzjoni Marjana. L-Isqof Grech qal li Marija hija l-mara tal-ferħ għax kellha relazzjoni mill-qrib ma’ Ġesù.

Stqarr li Marija timliena bil-ferħ mhux biss għax twassalna għand Ġesù, iżda wkoll għax bejnha u bejnu hemm għaqda perfetta. Marija hi t-triq u l-mudell tal-ferħ għalina mhux biss għax hi “Bieb tas-Sema”, imma wkoll għax hi stess hija mara mimlija ferħ.

L-Isqof Grech ħeġġeġ lil kull min kien qed jisimgħu biex ma’ jibżgħux jieħdu lil  Marija għandhom hekk kif waslet fi tmiemha s-Sena Marjana. Kif fit-tieġ ta’ Kana, Marija tat sehemha biex Ġesù fawwar bil-ferħ il-qlub tal-għarajjes u tal-mistednin, illum ukoll Marija lesta tintervjeni ħalli l-bnedmin u l-ambjenti varji li wieħed jgħix fihom, jimtlew bil-ferħ, u b’hekk fostna u madwarna jkollna inqas qtigħ il-qalb, tgergir, rabja, qrid, negattività, ġlied u sentimenti oħra negattivi u ta’ ħsara.