Il-pixxina f’Għawdex se tkun lesta s-sena d-dieħla

Il-Prim Ministru Robert Abela żar is-sit ta’ kostruzzjoni fejn qed jinbena ċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv fil-Belt Victoria fejn qal li l-proġett se jkun lest sas-sena d-dieħla.

Fi stqarrija tad-Dipartiment tal-Informazzjoni, il-Gvern qal li l-proġett b’investiment ta’ madwar €9 miljun se jinkludi “pixxina ta’ daqs olimpiku u numru kbir ta’ faċilitajiet sportivi indoor”. Fl-estimi finanzjarji ġew ivvutati €3 miljun biex jintefqu tul is-sena 2021.

Esperti li ilhom isegwu dan il-proġett qalu ma’ Newsbook.com.mt li minkejja li l-Gvern qed isejjaħlu “proġett Olimpiku”, il-pixxina li qed tinbena hija iżgħar minn dik rikjesta mill-istandards Olimpiċi minħabba li se tkun ta’ 33.33 metri meta l-istandard Olimpiku huwa ta’  mill-anqas 50 metru.

Il-PM kien akkumpanjat ukoll mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri li stqarr li mhux biss se tinbena pixxina nazzjonali, iżda diversi faċilitajiet sportivi li dawn se jkunu jistgħu jintużaw u jitgawdew mill-poplu Għawdxi. Huwa żied jgħid li permezz tagħhom Għawdex se jibda jattira lejh turiżmu sportiv.

Il-Perit Godwin Sultana li kien responsabbli mill-proġett ta preżentazzjoni li matulha spjega fiex se jkun jikkonsisti dan il-proġett u x-xogħol kollu li qiegħed isir fuq is-sit.