Il-pitturi li tneħħew mill-mużew MUŻA jiġu ritornati

Conservators placing artworks in place. Muza Sep 2019

Read in English.

Il-pitturi li kienu tneħħew b’mod temporanju mill-Mużew Nazzjonali tal-Arti (MUŻA) bħala miżura sabiex jiġu preservati ġew ritornati fil-mużew.

Madwar 130 pittura kienu tneħħew mill-mużew wara li ħarġet il-moffa fil-binja. Il-pitturi kienu ġew rilokati f’parti oħra tal-mużew sabiex il-ħaddiema ta’ Heritage Malta ikunu jistgħu jirrestawrawhom.

Aqra: 130 xogħol artistiku jitneħħa mill-MUŻA minħabba l-moffa

Noel Zammit, li bħalissa qed jokkupa b’mod temporanju l-irwol ta’ Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta spjega li grazzi għat-teknoloġija disponibbli, instab li kien hemm żieda fil-livelli tal-umidità f’sezzjonijiet differenti. Qal li dan wassal sabiex l-esperti tal-Aġenzija jieħdu d-deċiżjoni li jitneħħew numru ta’ pitturi bħala miżura preventiva biex jiġu protetti.

Zammit qal li l-missjoni ta’ Heritage Malta hija li tipproteġi l-wirt kulturali fdat lilha.

Aqra: Aġġornata (2): Taqtgħux kantunieri bil-wirt Malti – studenti tal-arti dwar il-MUŻA

L-Assoċjazzjoni tal-Istudenti tal-Arti (HoASA) kienet qalet li huwa importanti li meta wieħed ikun fdat li jieħu ħsieb il-wirt kulturali.

Heritage Malta issa żiedet tgħid li mhux se tkun qed tgħamel xogħol mgħaġġel għall-ebda raġuni.

Wirjiet temporaniji fil-MUŻA

Intant, Heritage Malta nediet b’mod formali l-ewwel talba għal wirjiet temporanji fil-MUŻA. Dan sabiex tkompli tagħti s-sapport tagħha lill-artisti lokali permezz ta’ dan l-ispazju ġdid.

Aqra: Follow Up: Nidħlu fil-MUŻA – il-Mużew Nazzjonali tal-Arti

Zammit qal dan waqt il-ftuħ uffiċjali ta’ din it-talba. Bosta artisti attendew dan l-avveniment fejn irċevew informazzjoni dettaljata dwar l-għanijiet tat-talba, partikolarment li tqajjem djalogu fil-komunitajiet.

Zammit kompla jispjega li MUŻA mhux mużew tradizzjonali, iżda mibni fuq il-kunċett ta’ parteċipazzjoni. L-artisti li huma interessati li jeżebixxu x-xogħol tagħhom jistgħu jaċċessaw il-formola ta’ applikazzjoni minn hawn. Wieħed għandu ċans sal-1 ta’ Novembru biex jissottometti l-applikazzjoni tiegħu.