Il-pistola li qatlet lil Sylvester Farrugia tibqa’ ma tinstabx

Il-pistola li ntużat fil-qtil ta’ Sylvester Farrugia fit-12 ta’ Frar li għadda l-Marsa baqgħet ma nstabitx.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni qalet li l-Pulizija eżaminat tliet settijiet ta’ filmati ta’ kameras tas-sigurtà, li wrew li l-vittma ma nqatlix fil-post misjuba, fi Triq Simpson il-Marsa.
Il-filmati juru li hija nqatlet madwar tliet blokok ’il bogħod mir-residenza tal-akkużat.
Hemm il-Pulizija kienet xammet riħa qawwija ta’ fuel u rat xkora mal-bieb. Dawn l-evidenzi kienu waslu biex jiġi arrestat l-akkużat.
F’xhieda li kien tal-akkużat ta’ 27 sena mill-Marsa stqarr li dakinhar għall-ħabta tas-2.30am, is-sieħba tiegħu semgħet xi ħsejjes mal-bieb ta’ barra. Xħin l-akkużat mar jara l-kameras tas-sigurtà ra żewġ persuni mal-bieb ta’ barra.
Qal li ħareġ mit-tieqa b’arma tan-nar u spara erba’ tiri lejhom.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-akkużat qal li xħin niżel isfel sab jerrycan mimlija fuel u tyre.
Żiedet tgħid li minkejja li nstabu kemm il-jerrycan u t-tyre, il-pistola u l-iskrattaċ baqgħu ma nstabu mkien.
Spjegat ukoll li l-akkużat kien mhedded kemm-il darba iżda qatt ma għamel rapport għand il-pulizija.
Qalet li l-akkużat qal li ma kienx qed jistenna li xi ħadd jagħmillu vendikazzjoni u ma tax raġuni għaliex qatt ma għamel rapport b’theddid.