Il-piloti tal-Lufthansa bi strajk ta’ tlettijiem il-ġimgħa d-dieħla

Il-piloti tal-Lufthansa se jagħmlu strajk ta’ tlettijiem li se jidħol fis-seħħ nhar it-Tlieta li ġej fl-għaxra ta’ filgħaxija.
Il-unjin tal-piloti tal-Lufthansa ħabret dan l-istrajk minħabba l-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-piloti.
Dan l-istrajk se jaffettwa mijiet ta’ titjiriet kif ukoll is-servizzi li l-kumpanija toffri lill-passiġġieri lejn u f’diversi ajruporti fil-Ġermanja.
Jekk sat-Tlieta filgħaxija ma jintlaħaqx ftehim u allura l-istrajk jidħol fis-seħħ bejn it-2 u l-4 t’April, l-ajruport ta’ Frankfurt se jkun qed jintlaqat mit-tielet strajk fi żmien sitt ġimgħat.
Il-linja tal-ajru Lufthansa qalet li jiddispjaċiha li fil-jiem imsemmija x’aktarx li mhix se tkun tista’ twassal lill-passiġġieri fid-destinazzjoni tagħhom.