Il-pilloli tal-kontraċezzjoni għandhom jitqiesu essenzjali – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-pilloli tal-kontraċezzjoni għandhom jitqiesu bħala mediċina essenzjali.

Fi stqarrija, il-PN qal li dan mhux biss għaliex dawn il-pilloli (oral contraceptive pills) għandhom il-funzjoni ta’ kontraċezzjoni, imma għaliex dawn il-pilloli jintużaw għall-kundizzjonijiet numerużi li jaffettwaw is-saħħa tal-mara.

“Il-Gvern għandu jpoġġi numru ta’ OCPs fuq il-formolarju tal-mediċini sabiex dawn jibdew jingħataw b’xejn, speċjalment f’każijiet fejn nisa m’għandhomx il-mezzi finanzjarji biex jixtru dawn il-mediċini,” qal il-PN.

Fl-istqarrija tiegħu ffirmata mill-MPs Claudette Buttigieg u Stephen Spiteri, il-PN qal li l-Gvern għandu wkoll jaħdem fuq l-aċċessibilità vera tal-OCPs billi jassigura, mhux biss li dawn il-mediċini jkunu fis-suq imma jassigura wkoll li dawk l-OCPs li ma jkunux fuq il-formolarju jinbiegħu bi prezz li jintlaħaq aktar minn firxa wiesgħa ta’ nisa.

“Minn naħa l-oħra, huwa totalment inaċċettabbli u irresponsabbli li politiċi li jridu jiskurjaw punti man-nies, jagħmlu dikjarazzjonijiet populisti, fosthom li OCPs għandhom jkunu aċċessibli mingħajr riċetta tat-tabib. Huwa fatt magħruf sew li numru ta’ OCPs jista’ jkollhom side-effects qawwija ħafna li jistgħu jkunu ta’ detriment serju għal min jieħodhom bla parir mediku. L-istess riċetta tat-tabib għandha wkoll tkun ta’ inċentiv sabiex in-nisa jżuru lit-tobba b’mod regolari u b’hekk jieħdu ħsieb aktar ta’ saħħithom b’mod preventiv,” qal il-PN.

Fil-bidu ta’ April, Newsbook.com.mt kien għamel kuntatt mal-Kamra tal-Ispiżjara dwar il-birth control pills out of stock.

Mistoqsija: Il-Kamra tal-Ispiżjara hija mgħarrfa li hemm għadd ta’ birth control pills li huma out of stock f’Malta? 

Tweġiba: Il-Kamra ma tiġix mgħarrfa bl-ebda mod uffiċjali dwar xi mediċini speċifiċi li jistgħu jkunu out of stock min jum għal ieħor.

M: Kemm ilha tippersisti din il-problema? 

T: Dawn il-problemi ta’ out of stock huma riżultat ta’ ħafna fatturi li jinkludu nuqqasijiet ta’ materja prima, fil-manifattura, fil-ħażna, u fid-distribuzzjoni ta’ mediċini lejn pajjiżna.

M: Għalfejn skattat din il-problema? 

T: Primarjament minħabba l-effetti indiretti ta’ BREXIT u issa tal-COVID-19.

M: Il-Kamra tal-Ispiżjara tista’ ssolvi din il-problema b’xi mod? 

T: Le, din hija problema tal-importaturi tal-medicini li minnhom jiddependu l-ispiżeriji u l-ispiżjara tagħna.

F’April Newsbook.com.mt staqsa lill-Ministeru għas-Saħħa għadd ta’ mistoqsijiet dwar is-suġġett.

  • Il-Ministeru għas-Saħħa jaf li hemm għadd ta’ birth control pills li huma out of stock f’Malta?
  • Kemm ilha tippersisti din il-problema?
  • Għalfejn skattat din il-problema?
  • Il-Ministeru kif se jsolvi din il-problema?

Kelliema għall-Ministeru qalet li “l-birth control pills mhumiex mediċina li tinsab fuq il-formularju tal-Gvern, għaldaqstant huma aġenti fil-qasam privat li jimpurtaw il-mediċina.”