Il-pilloli li nstabu fuq Matt Meilak mhux illegali imma ma jafux x’inhuma

Kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Terrence Tanti ta’ 22 sena minn San Ġwann, akkużat bil-qtil involontarju ta’ Matthew Meilak f’inċident tat-traffiku fl-ewwel tas-sena fin-Nadur.
Espert tal-Qorti qal li ma nstabux sustanzi illegali fil-35 pillola bajda li kien hemm fil-ġakketta tal-vittma. L-ispiżjar Godwin Sammut analizza l-pilloli u qal li minkejja l-apparat tal-laboratorju forensiku ma ddeterminax x’kienu l-pilloli, eskluda li kellhom sustanza illegali.
Xehed ukoll l-espert tat-traffiku Mario Buttigieg li qal li ma setax jivverifika l-veloċità li biha kienet qed tinstaq il-vettura, minħabba verżjonijiet kunfliġġenti dwar jekk l-art kinitx imxarrba. Żied jgħid li qabel seħħ l-inċident, Tanti kien qed isuq bil-fourth, u li l-karozza mxiet 41 metru.
Xehdu wkoll żewġ żgħażagħ li kienu fil-karozza fil-ħin tal-inċident li qalu li ftit jiftakru x’ġara.
Edward Cole qal li fil-11pm kien għal party f’ farmhouse fin-Nadur, u li xorob ftit whiskey. Qal li wara l-ħabta kull ma jiftakar li ra lil Matt Meilak fit-triq mal-ġenb tal-karozza.
Min-naħa tiegħu Alex Scerri Herrera qal li kien f’xokk kbir u ma riedx jibqa’ fuq il-post tal-inċident. Żied jgħid li għalhekk aċċetta li jirkeb ma’ karozza li kienet għaddejja u aktar tard mar l-isptar.
Il-kumpilazzjoni se tkompli fis-16 ta' April.  L-inċident seħħ għall-ħabta tal-3.45 ta’ filgħodu fi Triq ir-Rabat fin-Nadur, meta ħamest iħbieb kienu sejrin id-dar minn party f’farmhouse fin-Nadur.