Il-pilloli ġodda tal-pressjoni fl-ispiżeriji kollha tal-POYC

Il-pilloli tal-pressjoni Candesartan li nġiebu sabiex jibdew jintużaw minflok il-pilloli Valsartan issa huma disponibbli mill-ispeżiriji kollha li huma fl-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC).

Dan tħabbar illum fi stqarrija mill-Ministeru għas-Saħħa.

Fl-istqarrija ntqal li kull spiżerija ngħatat ammont kbir biżejjed biex kull persuna intitolata għal dawn il-pilloli jkollha provvista għal xahar sħiħ.

Fl-aħħar ġimgħat instab li l-pilloli tal-Valsartan li kienu jintużaw kemm minn Malta kif ukoll minn pajjiżi oħra kellhom impurità mhux mistennija fl-ingredjent attiv immanifatturat fiċ-Ċina. Dan kien tħabbar mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) u wassal lill-Gvern Malti biex jieħu azzjoni immedjata.

Dawk kollha intitolati għal dawn il-pilloli jistgħu jmorru fl-ispiżerija reġistrati magħha, jieħdu magħhom il-pilloli Valsartan u jibdluhom ma’ dawk Candesartan.

Fl-istqarrija ġie spjegat li l-pillola Candsartan 8mg hija ekwivalenti għal pillola Valsartan 80mg, filwaqt li Candesartan 16mg hija ekwivalenti għal Valsartan 160mg.