Il-piena tal-mewt hi attakk fuq id-dinjità umana

Protesti kontra l-piena tal-mewt fl-Istati Uniti

Ġimgħa ilu, Larry Swearingen, raġel ta’ 48 sena ngħata njezzjoni li qatlitu. Dan kiwn it-tnax il-persuna li ngħata l-piena tal-mewt din is-sena – 19-il sena wara li kien instab ħati li stupra u qatel lil Melissa Trotter, tfajla ta’ 19-il sena.

Malli l-istat ta’ Texas esegwixxa din is-sentenza ta’ mewt, l-Isqof Frank Dewane ta’ Florida, li hu wkoll iċ-Chairman tal-Kumitat għall-Paċi u l-Iżvilupp Uman tal-Konferenza Episkopali  Amerikana, tkellem dwar il-pożizzjoni tal-Knisja Kattolika fejn tidħol il-piena tal-mewt.

Ta’ min ifakkar li għal żmien twil, il-Knisja Kattolika kienet tqis il-piena kapitali bħala “miżura approprjata għall-gravità ta’ ċerti delitti u għalkemm estrema imma kienet aċċetabbli biex ikun imħares il-ġid komuni.

Reviżjoni tal-Katekiżmu

F’Awwissu tal-2018 il-Papa Franġisku ordna reviżjoni tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika fejn tidħol il-piena tal-mewt.

L-aġenzija Vatican News ikkwota lill-Isqof Dewane jgħid li “Il-pożizzjoni tal-Knisja dwar il-piena tal-mewt dan l-aħħar kienet spjegata tajjeb mill-Papa Franġisku li sostna li din m’hix ammissibbli għax fiha nfisha hi attakk fuq id-dinjità tal-persuna umana”.

Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika kif rivedut jgħid li “kienu żviluppati sistemi aktar effttivi ta’ detenzjoni li jassiguraw il-protezzjoni taċ-ċittadini u fl-istess waqt ma jċaħħdux lill-ħati definittivament mill-possibiltà li jindem u jinfeda”.

Mhux effettiva

L-Isqof Dewane jispjega li l-piena tal-mewt m’hix effettiva: “Għax biex ikun ġust hu meħtieġ li l-kastig ikollu dimenzjoni ta’ tama u skop ta’ riabilitazzjoni.  Il-piena tal-mewt dan ma toffriħx. Anqas biss tibda tersaq lejn din l-idea anzi hi kuntrarja għaliha”.

Hu żied jgħid li għalkemm il-piena kapitali ilha teżisti għal xi żmien, l-istatistika turi lil-piena tal-mewt ma servietx bħala deterrent kif jaħsbu xi wħud.

F’Lulju ta’ din is-sena l-Amerika ħabbret li reġgħet daħħlet il-piena tal-mewt fuq livell federali. Iżda l-Knisja Kattolika qed tkompli taħdem biex il-piena kapitali tispiċċa madwar id-dinja kollha.