Il-piena tal-mewt fl-Istati Uniti qed tkompli tonqos

Għall-ħames sena konsekuttiva kienu esegwiti anqas minn 30 sentenza tal-mewt fl-Istati Uniti paragunati ma’ 50 esekuzzjoni li kien hemm is-sena li għaddiet.  Dan joħroġ minn rapport ġdid li jimmonitorja l-każi ta’ sentenzi tal-mewt madwar l-Amerika.

Ir-rapport maħruġ mid-Death Penalty Information Center (DPIC), jinnota li din is-sena kien hemm 22 esekuzzjoni, tlieta anqas mis-sena li għaddiet. Matul din is-sena wkoll, l-istat ta’ New Hampshire abolixxa l-piena tal-mewt filwaqt li California għamlet moratorium u waqqfet l-esekuzzjoni ta’ dawn is-sentenzi.

Din is-sena kienu esegwiti sentenzi tal-mewt f’seba’ stati biss li tlieta minnhom saru fl-istat ta Texas. Florida u Ohio kellhom rekord ta’ sentenzi għall-mewt b’sitt sentenzi kull wieħed matul din is-sena.

Matul l-2019 il-Qrati madwar l-Istati Uniti waqqfu 24 sentenza tal-mewt, tnejn aktar mis-sena 2018. Barra minn dan, il-Qorti Suprema Amerikana, żammet fis-seħħ inġunzjoni preliminary li tipprojbixxi lill-Gvern Amerikana li jesegwixxi l-ewwel esekuzzjoni federali wara 16-il sena minkejja li f’Lulju li għadda l-amministrazzjoni tal-President Trump ħabbret li kienet se tkompli bl-esekuzzjonijiet federali tal-piena tal-mewt.

Tisparixxi

Robert Dunham, Direttur Eżekuttiv tad-DPIC, qal lill-aġenzija CRUX li “Il-piena tal-mewt qed tisparixxi f’diversi reġjuni tal-Istati Uniti. Illum tista tmur mill-istat ta’ Maine fit-tramuntana, sa West Verginia fin-nofsinhar tal-Istati Uniti u ma tirfisx fi stat fejn hemm il-piena tal-mewt.

Żied jgħid li stati oħra ma raw ebda esekuzzjoni ta’ piena tal-mewt f’dawn l-aħħar ħames snin u qed isiru sforzi fl-istati ta’ Wyoming u Colorado biex iwaqqfu din il-prattika.

F’Ġunju li għadda, l-Konferenza Episkopali Amerikana qablet li tirrevedi l-Katekiżmu wara li f’Awwissu tal-2018 il-Papa Franġisku l-katekiżmu tal-Knisja Kattolika u ddikjara li l-piena tal-mewt m’hix ammissibbli.

F’Settembru tal-2015, il-Papa Franġisku f’diskors li kien lill-Kungress Amerikan kien faħħar il-ħidma tal-Isqfijiet Amerikani favur l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt.

Inkoraġġiment mill-Papa

F’dik l-okkażżjoni l-Kap tal-Knisja Kattolika kien qal li “ Mhux biss nappoġġjahom, imma ninkoraġixxi lil dawk kollha lil min hu konvint li kastig ġust u meħtieġ ma għandu qatt jeskludi t-tama u l-mira tar-riabilitazzjoni”.

Robert Dunham qal li f’ċerti stati l-isforzi tal-mexxejja Kattoliċi kienu mportanti biex inkiseb l-appoġġ għal liġijiet kontra l-prattika tal-piena kapitali.

Aktar kmieni din is-sena il-Catholic Mobilizing Network, l-organiżazzjoni ewlenija li topponi l-piena tal-mewt, iċċelebrat l-għaxar anniversarju it-twaqqif tagħha u osservat meta twaqqfet kien hemm 35 stat Amerikan li kellhom il-piena tal-mewt u dawn issa niżlu għal 29 stat.

“Ma nistgħux nerħgġu lura. Il-piena tal-mewt fl-Istati Uniti qed tmut. Irridu nwassluha sal-aħħar u żgur mhux se nerġgħu lura”, qalet Krisanne Vaillancourt, Direttur tan-Network.