Il-pickpocketing l-aktar serq popolari f’Malta

Mill-2013 sal-lum, f’Malta u Għawdex kienu rrappurtati 35,624 każ ta’ serq. Minn dawn kien hemm 7,614-il każ ta’ pickpocketing.
Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Ministru għas-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia meta kien qed iwieġeb għall-mistoqsija tad-Deputat Clyde Puli.
Il-każijiet ta' pickpocketing qed jiżdiedu
Fil-fatt jirriżulta li l-aktar każijiet irrappurtati kienu dawk ta’ pickpocketing.  It-tabella ppreżentata fil-Parlament turi li l-każijiet qed jiżdiedu kull sena. Fl-2013 kienu rrappurtati 1,469 każ u s-sena li għaddiet dawn telgħu għal 2,447.
Serq minn ġo vetturi t-tieni l-aktar irrappurtat
Is-serq minn ġo vetturi kien l-aktar popolari wara l-pickpocketing. B’kollox kienu rrappurtati 4,343 każ.
B’kollox, mill-2013 ‘l hawn, kien hemm 2,389 każ ta’ serq minn residenzi.
Wara dawn, l-aktar każijiet irrappurtati kienu jinkludu serq minn residenzi, serq ta' affarijiet personali ta’ turisti fil-lukandi u serq minn fuq il-bajjiet u l-ħwienet.
Serq f'Ħal Qormi, is-Siġġiewi u Ħal Luqa
L-istess Deputat staqsa kemm kien hemm każijiet ta’ serq fl-istess snin fil-lokalitajiet ta’ Ħal Qormi, Ħal Luqa u s-Siġġiewi. F’Ħal Qormi kienu rrappurtati l-aktar każijiet, b’total ta’ 917-il każ u l-inqas fis-Siġġiewi, f’261 każ.
Ħafna inqas min-nofs il-każijiet f'dawn it-tliet lokalitajiet ġew solvuti
Minn total ta’ 1,584 każ f’dawn il-lokalitajiet, skont il-Ministru ġew solvuti biss 208 każi.
Fit-tliet lokalitajiet, l-akbar numru ta’ każijiet kienu jinvolvu serq minn ġo vetturi.
Informazzjoni dwar serq bl-armi għadha qed tinġabar
Mistoqsi kemm kien hemm każi ta’ serq b’armi, xahar xahar, mill-2013 ‘l hawn, il-Ministru wieġeb li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.