Il-PGD ta’ Malta qed jikber b’rata tliet darbiet akbar mill-medja taż-żona Ewro

Il-prodott domestiku gross reali ta’ Malta matul is-sena l-oħra tela’ b’6.6%, li tfisser żieda ta’ kważi tliet darbiet aktar mill-medja taż-żona tal-ewro.
Dan joħroġ mir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali ta’ Malta għall-2017. 
Ir-rapport isemmi kif l-impjiegi f’Malta komplew jiżdiedu u r-rata tal-qgħad niżlet għall-iżjed livell baxx li qatt ġie reġistrat. L-impjiegi żdiedu b’rata annwali medja ta’ 2.8% fl-ewwel disa’ xhur tal-2017. 
Il-ħajja għoliet b’medja ta’ 1.3% filwaqt li żdiedu wkoll id-depożiti tal-Maltin. Id-dejn tal-Gvern naqas għal 53.4%. 
L-assi totali tal-Bank Ċentrali ta’ Malta laħqu €8.6 biljun fl-aħħar tal-2017. 
Il-Bank inawgura wkoll bini ġdid b’faċilitajiet għal-laqgħat u l-konferenzi kif ukoll spazju għall-uffiċċji, data centre, librerija ġdida u faċilitajiet moderni ta’ arkivjar. 
Fl-2017, il-Bank tejjeb ukoll il-faċilitajiet fejn jiġu eżaminati l-karti tal-flus u diversi sistemi oħra b’rabta mas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali. 
Ir-Rapport Annwali għall-2017 jinsab fuq is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta’ Malta www.centralbankmalta.org