Il-petrol u d-diesel se jorħsu b’4 ċenteżmi

Il-prezz tal-petrol u d-diesel se jorħos b’4 ċenteżmi min-nhar it-Tnejn li ġej.

Dan ħabbru l-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi, fejn qal li l-prezz mistenni jkompli jorħos fix-xhur li ġejjin.

B’hekk min-nhar it-Tnejn il-petrol se jinbiegħ €1.38 minflok €1.42 kull litru waqt li d-diesel se jinbiegħ €1.31 minflok €1.35 kull litru. 
Fi stqarrija, il-Gvern qal li kif kien ippjanat din il-ġimgħa, il-kumpanija Enemed għalqet numru ta' tranżazzjonijiet li se jirriżultaw f'roħs fil-prezzijiet tal-fuel. Żied jgħid li dan ir-roħs se jkun qed isir fuq medda ta' xhur u se jidħol fis-seħħ qabel ma jintemmu diversi ftehimiet dwar hedging.
Il-Ministeru tal-Enerġija qal li aktar roħos fil-prezzijiet tal-petrol u d-diesel se jitħabbar fix-xhur li ġejjin.
Sostna li taħt dan il-Gvern, dan ir-roħs ifisser li l-petrol se jkun raħas b'seba' darbiet u d-diesel b'ħames darbiet. 
Il-Ministeru saħaq li r-roħs qed jitħabbar fil-jum li fih il-prezz internazzjonali taż-żejt tela' bi 8%, li hi l-ogħla żieda fil-prezzijiet ta' kuljum taż-żejt mill-2009.

Saħaq li f'Diċembru 2008, minkejja roħs ta' 51% fil-prezz internazzjonali taż-żejt, il-prezzijiet tal-fuel u tad-dawl u l-ilma żdiedu b'20%.
Reazzjoni PN
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li ma hemm l-ebda frażi aħjar minn "daħk fil-wiċċ" biex tiddeskrivi d-deċiżjoni li ħa l-Gvern li jraħħas il-fuel b'erba' ċenteżmi.
Il-PN sostna li dan it-traħħis ma jirriflettix il-prezzijiet li qed iħallsu familji u negozji oħra fl-Unjoni Ewropea u li l-prezzijiet se jibqgħu ferm għola mill-medja tal-Unjoni Ewropea. 
Temm jgħid li d-deċiżjoni tal-lum tikkonferma kemm l-Oppożizzjoni għandha raġun tinsisti biex il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel jorħsu.