Il-petrol f’Malta 8ċ iktar mill-medja tal-UE; MAC imħasseb

Il-policy tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea turi li Malta għandha l-ogħla rata ta’ petrol fost it-28 stat membru fl-UE, u l-Malta Automobile Club qiegħed juri t-tħassib tiegħu dwar dan, u jistaqsi minn fejn qiegħda ġġib il-petrol l-Enemed b’rata ta’ 8ċ iktar mill-prezz medju.

Fi stqarrija, il-Malta Automobile Club staqsa għaliex l-Enemed ma ġġibx il-petrol tagħha minn TED – Tenders Electronic Daily fl-UE biex tassigura l-inqas prezz possibbli.

Skont il-Klabb, b’60.316 ċenteżmu għal litru, Enemed qiegħda takkwista iżjed milli jixraq fi profitt. Il-Klabb ikkummenta li dan il-monopolju min-naħa tal-Enemed mhuwiex ġust. Il-prezz medju tal-petrol fl-Unjoni Ewropea huwa ta’ 52.377 ċenteżmu, jiġifieri kważi 8 ċenteżmi inqas, mingħajr ma huma inklużi t-taxxi, u l-Klabb ġab eżempju bl-Olanda, fejn il-prezz tal-petrol mingħajr taxxi huwa 13-il ċenteżmu inqas minn f’Malta.

Il-Klabb ikkummenta li huwa ironiku l-fatt li Malta mbagħad għandha l-inqas rata ta’ diesel fl-Unjoni Ewropea, b’56.997 ċenteżmu għal kull litru, u spekula li dan jaf ikun għax fil-każ tad-diesel, Enemed issib il-kompetizzjoni.

Huma komplew jistaqsu x’qegħdin jagħmlu l-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) u r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u tal-Ilma (REWS) dwar l-importazzjoni, kif jinħażen u jinbiegħ il-petrol f’Malta. Barra minn hekk, staqsew ukoll jekk il-Kummissjoni Ewropea hix rieqda, peress li Malta qed titħalla tikser id-Direttiva tal-Enerġija Rinovabbli tal-UE.

Il-Malta Automobile Club staqsa wkoll meta Enemed se tippubblika l-aħħar dikjarazzjoni finanzjarja tagħha.