Il-petizzjoni għall-protezzjoni tal-embrijuni ma tistax tintuża – Gift of Life

Il-petizzjoni parlamentari dwar il-protezzjoni tal-embrijuni prattikament ma tistax tintuża skont Paul Vincenti minn The Gift of Life Foundation.
Fi stqarrija Vincenti qal li minkejja li ħafna nies iffirmaw il-petizzjoni, qal li fl-aħħar tliet ġimgħat saret impossibli biex dan isir.
“Qed insejħu lill-Ispiker tal-Kamra biex jiftaħ investigazzjoni indipendenti fl-Aġenzija Maltija għall-Informazzjoni u t-Teknoloġija (MITA) u kull entità jew individwu li jistgħu jiċċaraw din is-sitwazzjoni disturbanti” żied jgħid Vincenti.
Il-petizzjoni fuq is-sit tal-Parlament kontra emendi fil-liġi tal-Protezzjoni tal-Embrijuni bdiet fil-bidu ta’ April.
Ftit wara, il-Fondazzjoni Gift of Life sostniet li bosta persuni avviċinawha li qed jesperjenzaw diffikultajiet kbar meta jiġu biex jiffirmaw il-petizzjoni.