Il-Peruvjani jistennew il-wasla tal-Papa

Il-poplu tal-Peru qed jistenna bil-ħerqa ż-żjara tal-Papa Franġisku fit-tieni parti tal-vjaġġ li qed jagħmel tul din il-ġimgħa fl-Amerika t’Isfel wara li fit-tliet li għaddew kien qed iżur iċ-Ċili.
Fr Peter Hughes, qassis mill-Colombia li jaħdem fil-Peru qal li ż-żjara tal-Papa fil-Peru hi important ħafna għal żewġ raġunijiet partikolari.  L-ewwelnett għax Papa Franġisku se jkun qed iżur poplu emarġinat u kważi minsi u t-tieni għax se jżur ir-reġjun tal-Amazonia fejn se jiltaqa’ ma’ rappreżentanti ta’ diversi popli indiġeni.
Din iż-żjara titqies li għandha rabta kbira mal-Enċiklika tal-istess Papa Franġisku, Laudato si.  Hawnhekk il-Papa mistenni jitkellem mhux biss lin-nies tal-Amazonia imma lid-dinja kollha dwar il-bżonn li nirrispettaw il-ħajja u li niddefendu lid-dinja mid-distruzzjoni tagħha.
Fr Hughes hu membru tas-Soċjeta’ Missjunarja ta’ San Columban.  Għalih il-Papa Franġisku hu espressjoni qawwija u esponent tar-riforma sħiħa tal-Knisja fl-Amerika Latina u anke bħala Kardinal Bergoglio kien aġent tal-bidla fil-Knisja Sud Amerikana.
Il-Papa mistenni jasal fil-Peru aktar tard illum u jdum sal-Ħadd meta jirritorna lura lejn il-Vatikan.
Il-programm ta’ Papa Franġisku fil-Peru huwa dan:

Il-Ġimgħa 19 ta’ Jannar  minn filgħodu l-Papa jitlaq lejn Puerto Maldonado biex hemmhekk ikollu laqgħa storika u mistennija ma’nies mill-Amazonia. Wara jiltaqa’ separatament man-nies ta’ Maldonado imma jippranza ma’ rappreżentanti tal-poplu tal-Amazonia li jkun iltaqa’ magħhom aktar kmieni. Wara nofsinhar jirritorna lejn Lima fejn iżur il-Kappella tal-Bażi tal-Qawwa tal-Ajru tal-pajjiż. Għal ħabta tal-4.45 jiltaqa’ mal-awtoritajiet tal-pajjiż, is-soċjeta’ ċivili u l-korp diplomatiku u mmedjatament wara laqgħa ta’ kortesija tal-President Peruvjan u oħra mal-komunita’ tal-Ġiżwiti.
 
Is-Sibt 20 ta’ Jannar, il-Qdusija Tiegħu jmur lejn Trujillo fejn jiċċelebra quddiesa qrib il-baħar. Dawra bil-Papamobil fil-kwartier “Buenos Aires”, viżta qasira fil-Katidral mnejn jibqa’ sejjer fis-Seminarju għal laqgħa mas-saċerdoti, reliġjużi u seminaristi. Fil-5.00 p.m. imexxi Ċelebrazzjoni Marjana u wara jirritorna lejn il-kapitali Lima.
 
Il-Ħadd 21 ta’ Jannar jibda l-ġurnata ma’ reliġjużi tal-Ħajja Kontemplattiva. Wara jitlob fuq relikwi ta’ qaddisin Peruvjnani u laqgħa mal-Isqfijiet. Reċita tal-Anġelus fil-Pjazza tal-Kattidral. Fl-4.15 p.m. quddiesa fil-beraħ fil-Bażi tal-Ajru ta’ Las Palmas.  Minn hemm jitlaq lejn l-ajruport biex jibda l-vjaġġ lura lejn Ruma.