“Il-persuni bil-benefiċċji soċjali naqsu bin-nofs” – Michael Farrugia

Il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, Michael Farrugia, qal li l-persuni dipendenti mill-benefiċċji soċjali naqsu bin-nofs.
Huwa rrimarka li sal-aħħar tal-2012, kien hawn 17,727 persuna fuq il-benefiċċji soċjali, b’5,762 minnhom b’tal-qgħad. Iċ-ċifri nbidlu għal 9,250 bil-benefiċċji b’1,210 minnhom b’tal-qgħad sa Marzu ta’ dis-sena.
It-tnaqqis ta’ 8,477 persuna jfisser 47.8% anqas jirċievu l-assistenza soċjali.
Il-Ministru kompla billi qal li bħalissa hawn 2,585 persuna bit-Tapering of Benefits, jiġifieri dawk li qed jaħdmu u l-benefiċċji qed jitnaqqsulhom ftit ftit sakemm ma jibqgħux dipendenti fuqhom.
Fost dawk li qalbu għal dis-sistema kien hemm persuni li qabel kienu qed jirċievu l-assistenza soċjali, oħrajn li kienu qed jjingħataw għajnuna għal ġenituri waħedhom, nies li kellhom il-carers allowance, u finalment dawk li kienu qed jirċievu tal-qgħad.
Il-Ministru Farrugia aċenna wkoll għall-fatt li tnejn minn kull tlieta li daħlu fis-sistema tat-Tapering of Benefits huma nisa.
Fost inizjattivi oħra, il-Ministru semma l-Inwork Benefit u ċ-childcare b’xejn bħala miżuri li għenu biex anqas nies jistennew il-benefiċċji tal-istat u aktar ixammru l-kmiem u jaħdmu.
Ritratt: DOI – Jason Borg