“Il-persuni b’diżabilità għandhom jingħataw edukazzjoni sesswali wkoll”

diżabilità edukazzjoni sesswali
Archives

Il-persuni b’diżabilità għandhom jingħataw edukazzjoni sesswali skont id-Direttur tad-Dar tal-Providenza Fr Martin Micallef.

Fr Micallef qal ma’ Newsbook.com.mt li “għal ħafna żmien, il-persuni b’diżabilità ma kienux jingħataw edukazzjoni sesswali bħal ħaddieħor”. Stqarr li s-sesswalità  tagħhom kienet tiġi mfixkla minn protezzjoni żejda u rippressjoni li toħloq frustrazzjoni kbira, ma tirrispettax id-dinjità tal-persuna u d-d-dritt li persuna tiddertermina l-għażliet tagħha hija stess.

L-argument dwar is-sex workers

Fr Micallef qal li riċentement qamet diskussjoni dwar l-hekk imsejħa “sex workers”.  Staqsa li “jekk inti se ddaħħal is-‘sex workers’, jista’ jkun li int qed timplika li l-persuna li tfittex dan is-servizz m’għandhiex il-fakultajiet li tidħol f’xi ħbiberija u relazzjonjiet bħal persuni li m’għandhomx diżabilità?  Jista’ jkun li inti qed timplika li dawn il-persuni mhumiex kapaċi jgħaddu mill-fażi tad-‘dating’, mill-fażi tal-‘flirting’, mill-fażi tal-għerusija, u mill-fażi taż-żwieġ?”

Fr Micallef qal li jista’ jkun li persuni b’diżabilità jkollhom bżonn għajnuna biex jiżviluppaw ħiliet ġodda. Żied jgħid li “diversi jargumentaw li biex ċertu persuni b’diżabilità jissodisfaw il-bżonnjiet tagħhom fejn tidħol is-sesswalità, hemm diversi affarijiet tekniċi li persuna tista’ tuża’ li huma inqas kontroversjali.” Skont Fr Micallef, sex workers huma prostituti. Qal li hemm ir-riskju li dawn ikunu persuni sfruttati. Staqsa jekk wieħed għandux jissodisfa l-bżonnijiet sesswali tiegħu b’detriment ta’ persuna oħra. Fi kliem Fr Micallef, il-Knisja tħares lejn is-sesswalità bħala xi ħaġa sabiħa – rigal li Alla ta lill-bniedem.

Fr Micallef qal ma’ Newsbook.com.mt li “kulħadd jaqbel li kull persuna għandha dritt li tgħix is-sesswalità tagħha, inkluż il-persuni b’diżabilità.” Qal li hemm ħafna ideat żbaljati fis-soċjetà dwar dan is-suġġett. Spjega li trid titkissier l-idea li l-persuni b’diżabilità m’għandhomx sesswalità u li mhumiex kapaċi jidħlu f’relazzjoni.

“Id-diżabilità mhix impediment għaż-żwieġ”

“Din il-mentalita tpinġi l-persuni b’diżabilità qishom tfal għal dejjem jew xi anġli.  Bl-Ingliż hemm minn juża’ l-frażi ‘Peter Pan Syndrome’.  Din hi mentalità li tħares lejn il-persuni b’diżabilità bħala tfal li qatt ma jistgħu jikbru bħala persuni adulti meta mhux minnu” qal Fr Micallef. Qal li trid tinkiser l-idea li persuni b’diżabilità m’humiex kapaċi jidħlu għaż-żwieġ jew saħansitra li jkollhom it-tfal. “Id-diżabilità mhix impediment għaż-żwieġ.”