Il-persuni b’diżabilità b’ħafna dubji waqt il-pandemija – PN

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li l-persuni b’diżabilità waqt il-pandemija tal-COVID-19 jinsabu f’ħafna dubji u ftit ċertezzi.

L-Oppożizzjoni kienet mistiedna għal-laqgħa li saret wara li l-kritika li għamlet sabiex ikun hemm task force nazzjonali li tistudja u toħrog bi strateġija li tara  li persuni b’diżabbilta’ f’Malta ma jerġgħux jispiċċaw imsakkrin fi djarhom bħalma ġara fil-bidu tal-pandemija.

L-Oppożizzjoni qalet li minkejja l-isforzi u l-ħidma tat-task force din ma sabitx appoġġ u widen minn doversi ministri involuti.

L-istqarrija li kienet iffirmata minn Maria Deguara bħala kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Anzjanità Attiva u Inklussiva u l-Persuni b’Abbiltajiet Differenti u minn Kevin Cutajar bħala

Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet, il-Kostruzzjoni u Ippjanar Sostenibbli.

Il-Partit Nazzjonalista qal li n-nuqqas ta’ strateġija ħareġ ukol mir-reazzjoni tal- Federazzjoni Maltija ta’ organizazzjonijiet li jirrapreżentaw persuni b’diżabbilta’ dwar id-dokument tal-Ministeru tal-Edukazzjoni flimkien mas-Supretendent għas-Saħħa Pubblika dwar il-linji gwida għall-iskejjel primarji u sekondarji. Ġie nnutat li persuni b’diżabilità jissemmew biss fejn jidħlu prekawzjonijiet li jridu jittieħdu waqt it-tibdil tal-ħrieqi u meta jingħataw l-ikel. Il-Federazzjoni qalet li dawn huma persentaġġ żgħir fost il-ħafna persuni b’diżabilità u l-ħtiġijiet tagħhom ma ġewx indirizzati.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qalet li tappoġġja dak li qalet il-Federazzjoni u appellat lill-Ministri responsabbli mill-Edukazzjoni, mis-Saħħa u tal-Persuni b’Diżabbilta’ sabiex jirrevedu dan id-dokument ħalli jiġu indirizzati n-nuqqasijiet li fih. B’hekk l-istudenti b’diżabbilta` jerġgħu lura l-iskola b’moħħ aktar mistrieħ minkejja li ż-żeida fil-każijiet tal-COVID-19.