Il-persuna pożittiva għall-coronavirus marret party kbir f’lukanda

Aġġornat 07:27 PM

Read in English.

Il-persuna li nstabet pożittiva għall-coronavirus matul il-jum tal-bieraħ jidher li attendiet għall-party li sar il-weekend li għadda bl-isem ta’ Hotel Takeover.

Wara li l-ġurnal Times of Malta żvela dan, fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Takeover Malta kien spjegat li bħalissa tinsab f’kuntatt mal-awtoritajiet tas-saħħa u qed tassistihom kif hemm bżonn. Qalet li l-Awtoritajiet tas-Saħħa se jkunu qed jikkuntattjaw il-persuni li jħossu li hu neċessarju li jkunu ttestjati. L-avveniment kien organizzat minn G7 Events. Il-party kbir sar fil-lukanda Radisson Blu f’San Ġiljan.

In light of the recent news about the case who attended the Hotel Takeover last weekend, we would like to inform…

Posted by Takeover Malta on Thursday, July 23, 2020

Fi stqarrija mibgħuta mill-Ministeru għas-Saħħa aktar tard kien ikkonfermat li l-każ pożittiv ta’ COVID19, li ġie rrappurtat illum lill-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika, ġie investigat mill-Public Health Response Team. Qal li ġie stabbilit li waħda mill-attivitajiet li attenda għaliha kienet dik ta’ Hotel Takeover Summer 2020 li saret fir-Radisson Blu Resort f’San Ġiljan bejn it-18 u d-19 ta’ Lulju.

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li mill-100 impjegat tal-lukanda s’issa ħadd ma rriżulta pożittiv.

L-Awtoritajiet għas-Saħħa Pubblika rrakkomandaw lil dawk kollha li attendew dan l-avveniment biex jagħmlu swab test għall-coronavirus. Dawn għandhom iċemplu 111 għall-appuntament, anke jekk m’għandhom l-ebda sintomi.

Spjega li minħabba li s-sintomi jistgħu joħorġu sa 14-il ġurnata wara li jkun sar kuntatt mal-virus, huwa importanti li dawk kollha li attendew jagħtu aktar każ għal xi sintomi anke ħfief li jista’ jkollhom matul il-ħmistax li ġejjin. Kull min jiżviluppawlu s-sintomi għandu mill-ġdid iċempel 111 għal swab test.

Il-Ministeru temm jgħid li waqt li m’hemmx lok ta’ allarm hekk kif qed jittieħdu l-passi kollha neċessarji kif qed isir f’dan il-każ, huwa importanti li wieħed jibqa’ jsegwi l-pariri għas-Saħħa Pubblika.

Wara 24 siegħa oħra ta’ swab tests instab każ ieħor ġdid ta’ coronavirus fil-pajjiż. Dan ħareġ mill-infografika tal-Ministeru għas-Saħħa bl-aħħar dettalji. Kien spjegat li l-każ tal-lum huwa lokali u huwa sporadiku u bis-sintomi.

L-ewwel każ tal-coronavirus tfaċċa f’Malta fis-7 ta’ Marzu, u minn dakinhar ‘l hawn saru 116,909 swab test. Minn dawn, instabu 680 persuna pożittiva għall-virus. Minnhom fiqu 665 persuna u mietu disgħa.