Il-persuna fil-mira tal-isplussiv mixtri għadha mhix magħrufa

Miguela Xuereb

Għadu mhux magħruf min kien fil-mira tal-assassinju li kien qed iħejji raġel Malti li nqabad jixtri splussiv u velenu minn fuq l-internet.

Il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra l-Malti ta’ 34 sena, residenti Ħaż-Żebbuġ, kompliet din il-ġimgħa quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.

Fost ix-xhieda kien hemm rappreżentant tal-kumpanija tat-telefonija Vodafone li ntalab jipprovdi lil min ċempel u meta l-akkużat. Rappreżentant tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) tkellem dwar kif l-akkużat kellu kumpanija bl-isem Bitcoin and Autotrader li kienet qiegħda tagħmel kummerċ bil-bitcoin mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-MFSA. Xehed ukoll sid showroom f’Ħal Qormi li identifika lill-akkużat bħala dak li kien jikri x-showroom mingħandu, minn fejn kienet topera din il-kumpanija.

Issemma li l-akkużat juża diversi psewdonimi.

L-Avukat tad-Difiża Benjamin Valenzia qal li l-akkużat lest jagħti l-passwords għall-apparat elettroniku tiegħu li l-Pulizija qiegħda żżomm bħala parti mill-inkjesta kontra l-akkużat għax-xiri tal-polonju radjuattiv.

L-avukat talab għall-ħelsien mill-arrest għall-klijent tiegħu, bl-argument li l-akkużat għandu jitqies innoċenti sakemm jinstab li hu ħati, u peress li ċ-ċittadini komuni li kellhom jixhdu laħqu xehdu. Argumenta wkoll li l-akkużat kien ilu bil-ħelsien mill-arrest fuq akkużi separati marbutin mad-droga għal xahrejn jew tliet xhur u qatt ma pprova jaħrab.

Madankollu, il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba, peress li l-każ jitqies bħala wieħed gravi, u l-investigazzjonijiet dwaru għadhom għaddejjin, partikolarment dwar min kien fil-mira tal-akkużat u l-materjal li kien qed jixtri.

Il-każ għandu jkompli aktar tard dan ix-xahar.