Il-persuna b’rabta mad-delitt f’Buġibba ħarbet lejn l-Italja lejlet li nstab il-katavru

Il-Pulizija f'konferenza tal-aħbarijiet fil-Kwartieri Ġenerali qalet li l-persuna mfittxija dwar il-qtil f'appartament dalgħodu, ħarbet lejn l-Italja lbieraħ filgħaxija fuq titjira ta' Ryanair. 
Minn stħarriġ preliminari jidher li l-vittma kienet għamlet xi rapporti mal-Pulizija dwar każi ta’ abbuż.
L-assistent kummissarju Norbert Ciappara qal li l-Pulizija fl-10.15am rċeviet telefonata li nstabet persuna mejta f’appartament f’San Pawl il-Baħar. Il-persuna nstabet minn membri tal-familjari tagħha wara li ma setgħux jagħmlu kuntatt telefoniku magħha.  
Il-vittma ġiet identifikata bħala Silvana Muscat ta’ 36 sena u ġiet iċċertifikata mejta fuq l-post wara li rriżulta li kienet ilha mejta għal xi siegħat.
Dan il-każ qed jitqies bħala omiċidju u l-arma li intużat f’dan il-każ instabet fil-partijiet komuni tal-appartament.
Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, l-uffiċjali qalu li l-persuna nstabet mejta fuq is-sodda tagħha u kienet liebsa l-ħwejjeġ tad-dar.
L-investigazzjoni għadha għaddejja.