​Il-persekuzzjoni reliġjuża diskussa f’konferenza internazzjonali f’Malta

F’Mejju li ġej, l-għaqda Kattolika tal-karità Aid to the Church in Need (ACN) se torganizza konferenza internazzjonali dwar il-libertà reliġjuża fid-dinja.
L-iskop hu biex tgħin ix-xogħol li qed isir fil-pajjiżi fejn il-persekuzzjoni, l-oppressjoni u l-bżonnijiet pastorali huma nieqsa. 

It-tema tal-konferenza se tkun “Jista’ l-Kristjanezimu jibqa’ jeżisti minkejja l-persekuzzjoni?” u ser jiffoka l-iktar fuq is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani u l-Afrika.  Mistennija jieħdu sehem kelliema mis-Sirja, l-Iraq, il-Libanu, l-Eġittu, in-Niġerja u l-Kenja. Il-konferenza se tkun miftuħa mingħajr ħlas.

F’Jannar li għadda, l-ACN wasslet pakketti b’mediċini, ikel, u protezzjoni mill-kesħa lil persuni Sirjani milquta mill-kriżi fil-pajjiż.

Peress li l-ACN taqa’ taħt is-Santa Sede, id-Direttur Nazzjonali tal-Ingilterra, Neville Kyrke-Smith, ghadu kemm ġie Malta biex jiltaqa’ man-Nunzju Apostoliku, Mons Aldo Cavalli, biex stiednu jattendi għall-konferenza.

Iktar dettalji dwar l-oppressjoni u l-persekuzzjoni tal-Insara jistgħu jinkisbu mis-sit: www.acnuk.org/persecution.