Il-permessi tal-ħaddiema barranin fil-qasam tas-saħħa se jiġġeddu

Miguela Xuereb

Read in English.

Is-Segretarjat Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet ħabbar li se tiddaħħal miżura oħra għall-ħaddiema barranin fejn il-permessi ta’ residenza u ta’ xogħol ta’ dawk fil-qasam tas-saħħa, kura tal-anzjani u persuni b’diżabilità se tiġi mġedda awtomatikament bi tliet xhur.

Fi stqarrija is-Segretarjat qal li dan qed isir fid-dawl ta’ dak li qed iseħħ bħalissa fil-pajjiż minħabba l-aħħar żviluppi ta’ COVID-19. Il-miżura hija valida għal dawk il-ħaddiema li l-permess tax-xogħol tagħhom wasal biex jiskadi fiż-żmien li ġej. Dawn il-ħaddiema qed jiġu mħeġġa jibagħtu email fuq medical.ima@gov.mt sabiex il-permess tagħhom jiġġedded awtomatikament. Ġie spjegat li din l-estenzjoni se tkun qed issir mingħajr bżonn ta’ ħlas. Intant, intqal li se jkun hemm eżenzjoni ta’ ħlas ukoll fuq każijiet fejn kien hemm tibdil fl-operatur li jipprovdi l-impjieg.

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li l-Gvern għaraf il-bżonn u l-urġenza li dawn in-nies jibqgħu jagħtu dan is-servizz fil-pajjiż. Qal li dan qed isir ukoll sabiex il-Gvern jibqa’ jassigura li s-saħħa u l-kura tal-poplu titpoġġa l-ewwel. 

Jitħabbru aktar tibdiliet fl-operat tal-uffiċċju ta’ Identity Malta

Intant, fl-istqarrija ġew imħabbra wkoll tibdiliet fl-operat tal-uffiċċju ta’ Identity Malta, partikolarment fejn jidħlu l-Expatriates Unit u l-Visa Unit. Din b’addizzjoni għad-deċiżjoni li ħa l-gvern, dik li Malta mhix se tilqa’ applikazzjonijiet ġodda għall-permessi ta’ residenza u ta’ xogħol ta’ ċittadini ta’ nazzjonalità terza, ħlief dawk li huma highly-skilled. L-Uffiċċju tal-Espatrijati qed jieħu dawn il-miżuri:

  • Tiġdid ta’ permessi ta’ residenza u ta’ xogħol u ta’ tibdil fl-impjieg għandhom isiru mis-sit www.singlepermit.gov.mt, ħlief għal min m’għandux aċċess għas-sistema onlajn.
  • Applikazzjonijiet ġodda ta’ impjegati highly-skilled għandhom jiġu sottomessi onlajn ukoll
  • Dawk l-applikanti li għandhom bżonn iġeddu l-permess temporanju (blue paper)tagħhom, għandhom jibagħtu email fuq eresidence.ima@gov.mt u jitolbu konferma
  • Il-customer care desk mhux se jkun qed jara lill-pubbliku iżda se jibqa’ jagħti servizz permezz ta’ email: eresidence.ima@gov.mt jew fuq in-numru tat-telefon +356 2590 4800.

Intant ġie spjegat li dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li matul ix-xahar ta’ Marzu ġew infurmati li l-preżenza tagħhom f’Malta ġiet awtorizzata, ma jistgħux japplikaw għall-permessi ta’ residenza u ta’ xogħol jew għall-viża qabel l-1 ta’ April 2020. F’każ li jintilef id-dokument ta’ residenza u ta’ xogħol, jew id-detentur għandu bżonn ibiddel l-indirizz tiegħu, jista’ jagħmel dan mill-uffiċċji ta’ Identity Malta, fl-Imsida.

Talbiet għal ħruġ ta’ viża se jintlaqgħu biss f’każijiet eċċezzjonali, bħall-qraba ta’ ċittadini Ewropej, professjonisti tas-saħħa u carers. 

Intant, iċ-ċittadini Ewropej u l-qraba tagħhom m’għandhomx bżonn ikunu fil-pussess ta’ dokument ta’ residenza jekk se jagħmlu inqas minn tliet xhur fil-pajjiż. Dawk l-Ewropej u l-qraba tagħhom li beħsiebhom jagħmlu perjodu itwal minn tliet xhur fil-pajjiż, jistgħu japplikaw għad-dokument mill-uffiċċji ta’ Identity Malta fl-Imsida mhux qabel l-1 ta’ April 2020 u wara perjodu ta’ 14-il ġurnata kwarantina obbligatorja jekk ikunu għadhom ġejjin minn barra.

Is-Segretarjat Parlamentari spjega li ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u l-qraba tagħhom li għandhom bżonn iġeddu d-dokument ta’ residenza tagħhom, jistgħu jagħmlu dan mill-uffiċċji ta’ Identity Malta, fl-Imsida. Fid-dawl taċ-ċirkostanzi eżistenti, dawn mhux obbligati li japplikaw għal tiġdid bilfors qabel id-data tal-iskadenza tad-dokument li għandhom.

Dawn il-miżuri se jibqgħu fis-seħħ sakemm ikun komunikat mod ieħor.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn