Filmat: Il-permessi kollha għat-twaqqigħ u l-iskavar ġew sospiżi – Muscat

Read in English.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li b’effett immedjat il-permessi kollha għat-twaqqigħ u l-iskavar ġew sospiżi b’mod temporanju. Dan qalu waqt laqgħa li ssejjħet illum f’Kastilja f’nofsinhar li għaliha kien hemm preżenti l-istakeholders tas-settur tal-kostruzzjoni. Fost dawk preżenti kien hemm il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi Sandro Chetcuti, il-President tal-Kamra tal-Periti Simone Vella Lenicker, il-Konsulent tal-Gvern Robert Musumeci fost oħrajn.

Il-midja ntalbu biex joħorġu mill-kamra sakemm tkompli għaddejja l-laqgħa. Il-Ħamis ċeda parti minn ħajt ta’ blokka ta’ appartamenti biswit sit ta’ kostruzzjoni, dan kien ir-raba’ inċident ta’ dan it-tip f’inqas minn sena.

AQRA: Filmati u Ritratti: Jiġġarraf ħajt ta’ blokka ta’ appartamenti fi Gwardamanġa

 AQRA: Filmat: “Se nispiċċaw inmorru l-preċett tan-neputija bix-shorts u t-tshirt?” – residenta mbikkma

AQRA: “Ixxukkjati” – MDA; Il-Kummissarju għall-Ippjanar b’ittra lill-PM

Il-Ministru għall-Ippjanar Ian Borg riċentament fil-parlament qal li bħalissa għaddej il-proċess biex jitwaqqaf ir-Regolatur tal-Bini f’tweġiba għal mistoqsija parlamentari lid-deputat tal-Oppożizzjoni Karol Aquilina.

AQRA: Il-proċess għadu għaddej biex jitwaqqaf ir-Regolatur tal-Bini u l-Kostruzzjoni – il-Ministru Borg

Wara diskussjoni bejn il-Gvern u l-istakeholders, il-midja reġgħet issejjħet lura għal-laqgħa. Kien hawn li Muscat reġa’ tenna d-deċiżjoni li huwa ħa iktar kmieni dwar is-sospenzjoni tal-iskavar u twaqqigħ tal-bini. Muscat iddeskriva l-laqgħa bħala waħda produttiva filwaqt li tenna jgħid li se jkunu qed jiltaqgħu fil-jiem li ġejjin.

AQRA: Filmat: 2 periti sospiżi fl-aħħar 5 snin – Vella Lenicker

‘Konsultazzjoni pubblika ta’ 5 ijiem’

Il-Prim Ministru ħabbar li nhar it-Tnejn se jiġi ppubblikat dokument għall-konsultazzjoni pubblika dwar ir-regoli ġodda, iżda sostna li l-perjodu miftuħ għall-konsultazzjoni huwa biss wieħed ta’ ħamest ijiem.

AQRA: Filmat: Sakemm jispiċċaw l-investigazzjonijiet hemm bżonn jittieħdu xi miżuri – Muscat

Muscat qal li l-għan tal-laqgħat li beħsiebhom ikomplu mhux biex iddgħajfu r-regolamenti iżda biex tinsab soluzzjoni u li kulħadd jifhem l-argumenti li qed jitpoġġew fuq il-mejda.

Huwa spjega li l-proċess se jkun li l-konsultazzjoni se tkun miftuħa minn nhar it-Tnejn sal-Ġimgħa biex b’hekk il-kabinett japprova l-abbozz il-ġimgħa ta’ wara biex b’hekk ir-regolamenti jidħlu fis-seħħ minn ġimgħatejn oħra.

‘Jaf ikun ta’ periklu li xogħlijiet li huma għaddejjin jitwaqqfu ħesrem’

Wara l-laqgħa li kellu mal-istakeholders, Muscat spjega li punt li tqajjem matulha kien mill-periti stess, li qalu li hemm każijiet fejn jekk xogħol tal-iskavar jitwaqqaf ħesrem minħabba s-sospenzjoni dan jista’ jkun ta’ periklu. Il-Prim Ministru spjega li għaldaqstant il-periti f’dawn il-proġetti għandhom jirrappurtaw mal-Awtorità kompetenti biex b’hekk jinħariġilhom permess ħalli jkunu jistgħu jkomplu. Sostna li dan se jkun eċċezzjoni u mhux ir-regola.

Ir-regoli li se jiġu proposti…

Muscat spjega li l-liġi kif inhi diġà tindika min hu responsabbli, sostna li l-perit irid jagħmel il-method statement filwaqt li s-site manager irrid jassigura ruħu li x-xogħlijiet ikunu fuq il-method statement imħejji mill-perit. Kompla jispjega li l-iżviluppatur huwa obbligat li jimxi fuq dak li jgħid il-perit. Saħaq li minkejja dawn il-providimenti fil-liġi xorta qed iseħħu dawn l-inċidenti.

Huwa saħaq li l-liġijiet il-ġodda jinkludu li jew il-perit jew is-site manager għandhom jiffirmaw meta jkunu fuq is-sit tal-kostruzzjoni u jridu jkunu preżenti meta jittieħdu deċiżjonijiet kruċjali.

Sostna li l-liġi kif inhi titlob li wieħed jagħmel studji ġeoloġiċi u ġeotekniċi f’każ biss li l-iskavar huwa iktar fond minn 3m, saħaq li bir-regoli l-ġodda kwalunkwe skavar se jkollu bżonn dawn it-tip ta’ studji.

Muscat osserva kif il-multi se jiżdiedu. Spjega li bħalissa min jikser il-liġi jeħel sa massimu ta’ €500, din se titla’ għal €10,000. Se tkun qed tiġi proposta wkoll li tiżdied il-multa ta’ dawk li jkollhom avviż ta’ infurzar iżda jibqgħu għaddejjin bix-xogħol għal massimu ta’ €50,000.

Waqqfu t-tħaffir u l-iskavar qabel iseħħ xi inċident fatali – Simon DeBono

Is-Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni tal-Aġenti tal-Proprjetà Simon DeBono qal li wieħed irid jerġa’ jara għadiex plawsibli li jitħaffru garaxxijiet taħt siti li huma wisgħin biss 21 pied u li qegħdin maġenb bini ieħor.