Il-permess fil-Qala għandu jiġi rtirat mill-PA – Wirt Għawdex

Credit: Wirt Għawdex

Read in English.

Il-permess kontroversjali fil-Qala għandu jiġi rtirat mill-Awtorità tal-Ippjanar, Wirt Għawdex iddikjarat fi stqarrija. Is-Sibt li għadda, l-iżviluppatur Għawdxi Joseph Portelli rrinunzja l-permess mogħti l-Ħamis li għadda mill-Awtorità tal-Ippjanar għall-bini ta’ villa f’nofs l-għelieqi fuq art ‘il barra miż-żona tal-iżvilupp.

U-turn dwar il-klima bl-approvazzjoni tal-iżvilupp fil-Qala – KA

Wirt Għawdex tkellmet dwar il-permess fil-Qala u ieħor f’Ta’ Sannat. Il-ħruġ ta’ dawn il-permessi ġie deskritt bħala ‘xokkanti’. Wirt Għawdex stqarret li l-Awtorità qed turi li mhux sensittiva lejn il-valur storiku tal-bini u l-art barra miż-żona tal-iżvilupp f’Għawdex.

Permess biex għorfa fil-Qala tinbidel f’villa

Il-permessi li għalihom kienet qed tirreferi nħarġu fi spazju ta’ ftit jiem lill-istess żviluppatur. Il-permess kontroversjali fil-Qala, biex għorfa tinbidel f’villa filwaqt li permess ieħor f’Ta’ Sannat biex jinbnew appartamenti fiż-żona ta’ konservazzjoni urbana. Wirt Għawdex saħqet li dawn it-tip ta’ deċiżjonijiet jistgħu jirvinaw lil Għawdex.

Fil-każ tal-permess tal-Qala, l-iżviluppatur Joseph Portelli ddikjara li se jkun qed jirrinunzja l-permess b’mod volontarju wara li ġab l-għadab ta’ kulħadd. L-għaqda osservat li mhux biżżejjed li l-iżviluppatur jiddikjara li ma jridx il-permess, iżda l-Awtorità tal-Ippjanar għandha tirrevokah biex dan ma jibqax validu legalment.

Wirt Għawdex kienet leħħnet il-ħsibijiet tagħha dwar il-proġett filwaqt li saħqet fuq l-importanza tal-bini li ilu jeżisti mill-perjodu tal-Ingliżi f’Malta fil-qalba ta’ Ta’ Sannat. Osservat li ż-żona tal-konservazzjoni urbana teżisti biex tipproteġi l-bini li jinsabu fiha.