Il-perjodu ta’ stennija għal divorzju mistenni jitnaqqas drastikament

Read in English.

L-istennija għal min irid jagħmel divorzju għandha tonqos minn 4 snin għal massimu ta’ sena skont emendi għall-Kodiċi Ċivili li ġew imressqa fil-Parlament din il-ġimgħa.

Id-divorzju ddaħħal Malta fl-2011 wara li kien hemm referendum fuq is-suġġett. Il-proposta li saret dak iż-żmien kienet timponi l-bżonn ta’ separazzjoni effettiva – anke jekk mhux neċessarjament separazzjoni legali – ta’ mill-anqas erba’ snin qabel ma jidbew il-proċeduri tad-divorzju.

Il-kampanja ta’ favur id-divorzju dak iż-żmien kienet qalet li din l-istennija tagħmel il-proposta tagħha risponsabbli, għalkemm ġiet interpretata wkoll bħala kompromess biex tiffaċilita d-dħul tad-divorzju f’Malta. Minn meta daħlet il-liġi l-ġdida f’Malta, id-divorzju ma jistax isir biss fil-Vatikan u fil-Filippini, fejn madankollu jeżistu eċċezzjonijiet għall-minoranza Musulmana.

Il-perjodu ta’ stennija pjuttost twil ma kienx mingħajr kritika, u jekk l-abbozz il-ġdid isir liġi kif mistenni għandu jitnaqqas drastikament.

Skont dan l-abbozz, min hu sseparat legalment m’għandux għalfejn jistenna biex jibda proċeduri ta’ divorzju. Koppji mhux separati li jixtiequ jiddivorzjaw iridu jkunu għexu mhux flimkien għal perjodi li jammontaw għal mill-anqas sitt xhur mis-sena preċedenti.

L-itwal perjodu ta’ stennija japplika fejn it-talba għal divorzju ssir minn parti waħda biss. F’dan il-każ, il-konjuġi jridu jkunu għexu mhux flimkien għal sena matul l-aħħar sentejn.

Nhar il-Ħadd, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech – li kien involut fil-kampanja kontra d-divorzju, għalkemm stqarr li biddel il-pożizzjoni tiegħu minn dak iż-żmien – ħabbar li l-Partit Nazzjonalista se jagħmel il-proposti tiegħu dwar is-suġġett.