​Il-Periti jwissu dwar futur inċert wara l-assassinju ta’ Daphne

Il-Kamra tal-Periti, l-organizazzjoni studenteska tal-periti SACES, u l-Assemblea Ewropea għall-Istudenti tal-Arkitettura (EASA Malta)  qalu li l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia huwa sinjal tal-biża’ għal futur tas-soċjetà jekk din ma tħarisx is-saltna tad-dritt jew l-istandards etiċi.
Fi stqarrija, it-tliet entitajiet qalu li l-attendenza tagħhom waqt id-dimostrazzjoni li saret il-Ħadd li għadda kienet sinjal biex juru li huma jridu jassiguraw li kull professjonist, fost affarijiet oħra:

  • Għandu obligu li jkun etiku
  • Għandu d-dritt li jaħdem mingħar biża’ ta’ tpattija
  • Għandu dmir li jżomm l-istituzzjonijiet responsabbli għal għemilhom

Il-periti qalu li fil-professjoni tagħhom, huma għandhom il-privileġġ li x-xogħol tagħhom jirrifletti dak li qed tħoss is-soċjetà. Qalu li dan iħalli effett fuq il-ġenerazzjonijiet tal-futur.
Fl-istqarrija tagħhom, il-periti kitbu wkoll li għandhom obligu biex iżommu sodi meta dawn jiġu ffaċjati b’interessi personali li jinjoraw il-bżonnijiet tas-soċjetà fis-sħiħ. Saħqu li l-elementi ta’ korruzjoni u ħasil ta’ flus mgħandhomx ikollhom post fl-industrija tal-bini, jew f’xi industrija oħra f’Malta.
Il-periti temmew l-istqarrija tagħhom bil-kliem tal-ġurnalista Amerikana Jane Jacobs li kienet qalet li ħaġa agħar mid-disordni hija meta wieħed jagħmel tabirruħu li hemm l-ordni billi jinojra jew irażżan l-ordni vera li qed tbati biex tgħix.
Ritratti: Arkivji