“Il-periti b’irwol importanti għall-wirt li nħallu warajna”- Grech

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista (PN) Bernard Grech qal li l-periti għandhom irwol importanti biex jitħalla wirt għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Huwa qal dan waqt laqgħa mal-Kamra tal-Periti, li dis-sena qed tagħlaq 100 sena mit-twaqqif tagħha. Grech sostna li kulħadd għandu din ir-responsabbiltà li ma nħarsux biss lejn l-immedjat.

Il-President tal-Kamra tal-Periti Simone Vella Lenicker tkellmet dwar l-Att li jirregola l-professjoni tal-periti u l-Kamra tal-Periti. Dan l-Att jinsab fit-tieni qari fil-Parlament. Hija għamlet referenza għall-importanza tal-estetika u kif fl-2017, il-Kamra tal-Periti ppubblikat dokument dwar dan bil-viżjoni tagħha għall-futur.

Matul il-laqgħa, Grech ġie ppreżentat b’kopja ta’ dokument A Modern Building and Construction Regulation Framework. Id-dokument għandu proposti fuq għaxar ħtiġijiet partikolari li l-Kamra tal-Periti tqis li għandhom iwasslu għal bini sabiħ, li jaħdem tajjeb u ta’ kwalita’.

Grech sostna li l-PN qed jiltaqa’ mal-imsieħba soċjali sabiex jisma’ l-opinjonijiet tagħhom. B’hekk il-PN għandu viżjoni bit-12-il pilastru, li tagħti importanza kbira lill-viżjoni soċjo-ekonomika li tinbena fuq it-tisħiħ tal-ambjent, dak urban, naturali, personali u anke dak rurali.