Il-Perit André Pizzuto elett President tal-Kamra tal-Periti

Perit Andre Pizzuto

Il-Perit André Pizzuto kien elett President tal-Kamra tal-Periti wara l-laqgħa ġenerali annwali li nżammet fl-10 ta’ Diċembru.

Fi stqarrija kien spjegat kif Pizzuta serva fil-Kamra tul dawn l-aħħar 6 snin, fejn xpruna l-pubblikazzjoni tal-proposti tal-Kamra għal qafas regolatorju modern għall-bini u kostruzzjoni f’Malta. Huwa kien ukoll il-persuna nkarigata bit-twaqqif tal-Premju Emanuele Luigi Galizia. Fl-indirizz tiegħu, huwa semma tlett aspetti li se jikkaratterizzaw it-tmexxija tiegħu. Dawn huma:

  • it-tisħiħ fl-organizzazzjoni tal-Kamra biex ikollha l-kapaċità neċessarja li tiġġenera riżorsi adegwati biex taqdi l-membri tagħha b’mod xieraq;
  • sforzi ġodda ta’ ristruttutar fl-industrija tal-bini u l-qafas leġiżlattiv tagħha; u
  • ħeġġa ġenwina lejn l-immodernizzar tal-professjoni biex din tkun tista’ tilqa l-isfidi mposti mit-tibdil fil-klima, id-diġitalizzazzjoni tad-disinn u informazzjoni, u t-teknologiji ġodda fil-kostruzzjoni.

Dr Amber Wismayer ġiet eletta Vici President. Hija ilha sservi fir-rwol ta’ Segretarja Onorarja tal-Kamra sa mill-2013, u ser tibqa’ f’din il-kariga sa l-aħħar tal-2021.

Il-Laqgħa Ġenerali eleġġiet ukoll żewġ membri ġodda tal-Kunsill, il-Perit Matias Camilleri de Marco u l-Perit Adrian Mangion, filwaqt li rrikonfermat lill-Perit Dr Jeanette Muñoz Abela u l-Perit Toni Bezzina.

Matul il-Laqgħa, ġiet imħabbra l-ħatra tas-sur Kevin J. Borg bħala Direttur Maniġerjali tal-Kamra tal-Periti. Huwa ġie inkarigat bl-implimentazzjoni ta’ Business Plan dettaljat u ħolistiku għall-tlett snin li aktar kmieni din is-sena kien ġie approvat mill-Kunsill.

Il-laqgħa saret propju l-għada li l-Att li jirregola l-Periti tressaq għat-Tieni Qari fil-Parlament. Fi tmiem il-kariga tagħha bħala President, il-Perit Simone Vella Lenicker laqgħet dan l-iżvilupp importanti. Hija stqarret li din il-leġiżlazzjoni l-ġdida għandha rabta mill-qrib mal-isfidi li qed taffaċċja l-professjoni u l-bqija tal-industrija tal-kostruzzjoni. Hija tat kont tad-diverġenzi li għad hemm fuq żewġ aspetti tal-liġi li jirrigwardjaw (1) l-allinjament tal-perjodu ta’ responsabbiltà mal-medja Ewropea u ma’ prodotti ta’ assikurazzjoni disponibbli fis-suq, u (2) il-metodu ta’ ħatra tal-Bord għall-Imġiba Professjonali. Il-Kamra kienet sodisfatta bil-mod kif l-Abbozz tal-Liġi kien jirrifletti b’mod generali d-direzzjoni stabbilita minn Laqgħat Generali preċedenti u issa tawgura li ikun jista’ jiġi milħuq ftehim sħiħ mal-leġislatur fuq dawn iż-żewġ punti kruċjali, fl-interess tal-professjoni u tal-industrija.

Intant, kien spjegat ukoll li l-laqgħa approvat żewġ mozzjonijiet li permezz tagħhom il-Kamra tenniet il-pożizzjoni tagħha rigward l-Att biex jirregola l-Periti u l-Qafas Regolatorju għall-Bini u Kostruzzjoni. Dan sabiex il-Kamra tkun tista tassigura li d-deċiżjonijiet approvati f’laqgħat preċedenti jiġu implimentati.