Il-pensjonanti se jirċievu l-għotja s-Sibt

Read in English.

Żewġ gruppi ta’ pensjonanti b’total ta’ 46,000 persuna, mistennija li jirċievu l-għotja biż-żdiet imħabbra fil-baġit nhar is-Sibt li ġej.

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Solidarjetà Soċjali Mark Musu ħabbar din l-inizjattiva dalgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet. Iż-żewġ gruppi huma dawk ta’ nies li laħqu l-età tal-pensjoni u dawk li għandhom aktar minn 75 sena.

Il-miżura li biha se jibbenefikaw dawk li għandhom aktar minn 75 sena u għadhom jgħixu fil-komunità se tiġi estiża għal persuni li joqogħdu f’djar tal-anzjani privati u ma jirċievu l-ebda forma ta’ sussidju mill-Gvern. Dawn se jirċievu €300, filwaqt li dawk li għandhom aktar minn 80 sena se jirċievu €350.

Aktar minn 31,600 pensjonant se jirċievu l-għotja lill-anzjani b’aktar minn nofshom se jirċievu żieda ta’ €50 li se tingħata lil dawk li għandhom aktar minn 75 sena. Din l-għotja ilha tingħata mill-2012.

Il-Ministru Michael Falzon qal li 10 mis-26 inizjattiva li tħabbru fil-baġit huma diġà implimentati. Qal ukoll li b’dawn il-miżuri l-anzjani se jkollhom aktar dħul.