Read in English.
Il-pellegrinaġġi tal-festi li qed jitħallew isiru se jkunu limitati għal 100 persuna.
Din hija waħda mill-miżuri b’rabta mal-attivitajiet tal-massa li tħabbru lbieraħ f’konferenza stampa indirizzata mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci. Dawn il-miżuri daħlu fis-seħħ fit-8am illum, u r-restrizzjoni fuq l-attendenza fil-pellegrinaġġi ġiet spjegata fi stqarrija dwar il-miżuri mibgħuta lill-midja dalgħodu.
Il-kelliem tal-Kurja qal lil Newsbook.com.mt li l-Knisja qed issegwi l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa.
Ladarba l-każijiet tal-coronavirus f’Malta reġgħu bdew jiżdiedu, saru diversi appelli, speċjalment mit-tobba u mill-ħaddiema tas-saħħa, sabiex l-attivitajiet tal-massa jitwaqqfu.
Il-Gvern, għalhekk, ilbieraħ ħabbar ċerti restrizzjonijiet f’dawn l-attivitajiet, iżda ma waqqafhomx għalkollox. Fost ir-restrizzjonijiet hemm li:
- Il-marċi tal-festi ma jistgħux isiru
- F’attivitajiet tal-massa, persuna waħda kull 4 metri kwadri
- Gruppi ta’ aktar minn 10 mhux permessi f’avvenimenti
- Dawn il-gruppi ma jistgħux jitħalltu ma’ oħrajn
- Stabbilimenti li jifilħu għal aktar minn 100 persuna jridu jibagħtu risk assessment lill-awtoritajiet
L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) qalet li tajjeb li daħlu dawn il-miżuri, iżda ħasset li dan mhuwiex biżżejjed biex titrażżan l-imxija tal-coronavirus.
F’Malta sal-bieraħ kien hawn 140 każ attiv tal-coronavirus, qabża ġmielha mill-4 każijiet attivi fl-20 ta’ Lulju. Minn dawn 55 każ kienu ta’ Maltin jew persuni fil-komunità Maltija, filwaqt li 85 każ kienu fost l-immigranti li ddaħħlu Malta mill-baħar fl-aħħar jiem.