Il-pellegrinaġġi f’Fatima milquta bil-pandemija

Güldem Üstün

Għan-negozji li huma dipendenti fuq l-aktar post magħruf għall-pellegrinaġġi fil-Portugall, nhar it-Tlieta kellu jkun l-aktar jum bieżel tas-sena – imma din is-sena ninstabu f’nofs pandemija.

Kull sena fit-13 ta’ Ottubru, folol kbar iżuru n-niċċa ta’ Fatima biex jiċċelebraw l-anniversarju tad-data meta fl-1917 seħħet it-tielet u l-aħħar dehra tal-Madonna li ġiet awtentikata mill-Knisja Kattolika.

Imma restrizzjonijiet relatati mal-coronavirus fisser li kienu biss 4,500 ruħ li attendew iċ-ċelebrazzjoni ta’ din is-sena mqabbla mal-100,000 persuna li attendew fl-2019, u d-donazzjonijiet li jiddependi fuqhom is-santwarju kważi spiċċaw għal kollox, qalet il-kelliema għas-santwarju Carmo Rodeira.

“Is-santwarju jeżisti biex jilqa’ lill-pellegrini … imma l-akbar impatt huwa kif niċċelebraw it-twemmin tagħna, u din hija l-akbar sfida li l-Knisja qed tiffaċċja fi żmien il-pandemija,” żiedet tgħid.

Intant, ir-ristoranti tal-belt, li huma dipendenti fuq it-turiżmu reliġjuż, baqgħu vojta, u l-akkomodazzjoni fil-lukandi niżlet b’90%, skont data uffiċjali.

“It-turisti internazzjonali sparixxew,” qal Alexandre Marto, direttur ta’ Fatima Hotels, grupp ta’ 10 stabbilimenti li jużaw l-istess pjattaforma għall-bookings.

“Is-sitwazzjoni … issir aktar diffiċli għaliex ma nafux kemm se ndumu (bir-restrizzjonijiet tal-Covid),” qal Purificacao Reis, president tal-assoċjazzjoni għan-negozji lokali ACISO.

Madwar is-santwarju, il-bejjiegħa tal-biċċa l-kbira tal-ħwienet li jbiegħu oġġetti reliġjużi jibqgħu jistennew li jaslu xi klijenti, iżda s-sitwazzjoni tal-bejgħ mhix waħda tajba.

“Il-barranin m’għadhomx jiġi, u issa l-klijenti huma biss persuni Portugiżi li ma tantx għandhom flus x’jonfqu – bħali,” qalet Ana Maria, ta’ 60 sena, waqt li kienet barra l-ħanut żgħir tagħha.

Tkellmet dwar żmien ta’ inċertezza għax mhix ċerta kemm tista’ tibqa’ taħdem f’din is-sitwazzjoni, u għalhekk qed titlob li jiġi żmien aħjar.

Għal xi wħud din is-sitwazzjoni ħolqot opportunitajiet ġodda.

Ana Paula Reis iddeċidiet li ċċaqlaq ir-ristorant tagħha f’post li huwa anqas turistiku, u issa l-klijenti lokali tagħha jistgħu jgawdu r-riċetti tradizzjonali tagħha b’aktar kumdità.

“Fuq it-toroq tat-turisti … il-lukandi huma magħluqa, u anke l-ħwienet. Hija sitwazzjoni tal-biża’,” qalet. “Il-pandemija tatni ċ-ċans li nikber.”