Read in English.
Minn sondaġġ tal-Ewrobarometru tar-rebbiegħa 2018, irriżulta li l-Parlament Ewropew hu l-aktar istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea li hi fdata mill-pubbliku. Il-Parlament Ewropew kiseb 50% tal-voti ta’ fiduċja, f’kuntrast mal-34% li kiseb f’Mejju tal-2014.
Il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani qal li l-Parlament qed jaħdem biex inaqqas id-distakk bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u ċ-ċittadini u li qed jagħmel xogħlu sew, filwaqt li rringrazzja lis-751 Membru Parlamentari.
Huwa qal ukoll li l-Parlament ħadem biex itejjeb il-kwistjoni tal-immigrazzjoni, pereżempju permezz tat-Trattat ta’ Dublin. L-immigrazzjoni u t-terroriżmu jidhru li huma l-aktar sitwazzjonijiet ta’ tħassib għall-Ewropej.
L-Ewrobarometru wera wkoll li l-UE tibqa’ fdata aktar minn entitajiet governattivi lokali b’distakk ta’ 8%.
Il-biċċa l-kbira tal-Ewropej jaħsbu li s-sitwazzjoni ekonomika hija waħda tajba, u jħossuhom ottimisti dwar il-futur. L-appoġġ għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u għall-Ewro laħaq livell ogħla minn qatt qabel
Għal dan is-sondaġġ ġew intervistati 33,130 persuna fl-Istati Membri tal-UE u fil-pajjiżi kandidati.
Għal aktar tagħrif: Standard Eurobarometer 89