Il-PE jitlob azzjoni fil-konfront tal-Polonja

Il-Parlament Ewropew ivvota favur li jiġi attivat Artiklu 7(1) fil-konfront tal-Polonja.
Il-Membri tal-Parlament Ewropew qed jappellaw lill-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea biex jieħu azzjoni immedjata skont kif mitlub mill-Artiklu 7(1) fil-konfront tal-Polonja wara li kien hemm 422 vot favur, 147 vot kontra, u 48-il astenzjoni.
F'Diċembru tal-2017, Il-Kummissjoni Ewropea kienet bdiet proċess biex tieħu azzjoni kontra l-Polonja wara li l-pajjiż beda riformi ġudizzjarji deskritti li jmorru kontra l-liġi.
Fi stqarrija l-Parlament Ewropew qal li fil-15 ta’ Novembru tal-2017, il-PE tkellem dwar kif is-sitwazzjoni fil-Polonja hija waħda li b’mod ċar qed tirriskja ksur tal-valuri Ewropej, inkluż ir-rispett lejn il-liġijiet (is-saltna tad-dritt). Il-MEPs kienu qalu li jinsabu kkonċernati dwar is-separazzjoni tal-poteri, l-indipendenza tal-ġudikatura, u dwar id-drittijiet fundamentali.
Il-PE spjega li l-Artiklu 7 tat-Trattat Ewropew, li s’issa qatt ma ntuża', jipprovdi mekkaniżmu kontra l-ksur tal-valuri Ewropej u biex jiġu deċiżi sanzjonijiet kontra l-istat membru konċernat.
Skont Artiklu 7(1), wara inizjattiva minn terz tal-istati membri tal-UE, il-Kunsill tal-Ministri tal-UE jista’ jiddetermina li hemm riskju serju tal-ksur tal-valuri Ewropej. Id-deċiżjoni tal-Kunsill għandha bżonn l-appoġġ ta’ erba' minn kull ħames membri flimkien mal-kunsens tal-PE. Jistgħu jsiru wkoll ċertu rakkomandazzjonijiet.
Skont Artiklu 7(2), ksur tal-valuri Ewropej jista’ jiġi determinat mill-Kunsill Ewropew magħmul mill-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern fuq proposta minn terz tal-istati membri jew mill-Kummissjoni Ewropeja. 
Artiklu 7(3) jipprovdi lok għal sanzjonijiet bħal ma hi s-sospensjoni tad-dritt għal vot fil-Kunsill tal-Ministri.