Il-PE japprova riżoluzzjoni li jsemmi kwartieri militari għall-UE

Il-Parlament Ewropew ivvota favur riżoluzzjoni dwar il-Klawsola għad-Difiża fit-trattat Ewropew, liema klawsola ntalbet li tidħol fis-seħħ mill-Gvern Franċiż wara l-attakki terroristiċi f’Pariġi fit-13 ta’ Novembru li għadda.
Ir-riżoluzzjoni iżda ħolqot kontroversja fil-Parlament Ewropew hekk kif l-Artiklu 11 jgħid li l-Unjoni Ewropea teħtieġ kwartieri militari permanenti, b’assi u kapaċitajiet oħra militari mill-pajjiżi membri kollha.
Jgħid ukoll li dawn il-kwartieri militari għandhom jikkontrollaw pjanijiet ta’ kontinġenza għad-difiża kollettiva tal-Unjoni Ewropea u l-mod kif tiġi applikata l-Klawsola tad-Difiża bi sħab man-NATO.
Ir-riżoluzzjoni titlob lill-pajjiżi fl-Unjoni biex ikomplu jagħti l-appoġġ tagħhom fil-ħidma kontra t-terroriżmu filwaqt li turi tħassib li l-maġġoranza tat-terroristi fl-attakki f’Pariġi kienu ċittadini Ewropej.
Din ir-riżoluzzjoni qed titlob li l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jiddefinixxu b’mod aktar ċara r-rwol tal-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea skont din il-klawsola u kif jgħin lill-pajjiż li jkun qed jitlob l-għajnuna.
Dan għandu jwassal biex ikun hawn diskussjoni iktar profonda fuq is-sigurtàu d-difiża Ewropea speċjalment fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, li qed titqies prijorità tal-Unjoni Ewropea.
Il-pożizzjoni ta’ Malta dwar il-Klawsola tad-Difiża hi li din tisħaq li bl-ebda mod m’għandha tippreġudika il-politika tad-difiża u s-sigurtà tal-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea.
Il-Gvern Malti huwa tal-fehma li Malta trid timxi skont in-newtralità kif imniżżla fil-Kostituzzjoni u kull għajnuna li se tingħata lill-Franza trid tkun konformi mal-Kostituzzjoni tal-pajjiż u mat-Trattati tal-Unjoni Ewropea.