Il-PE japprova rapport kontra r-reklutaġġ ta’ Ewropej mit-terroristi

Waqt il-plenarja fil-Parlament Ewropew ġie approvat rapport tal-Ewroparlamentari Rachida Dati dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ ta’ Ewropej mit-terroristi.
L-Ewroparlmentari Maltin kollha vvutaw favur dan ir-rapport. 
Fil-plenarja iżda kien hemm dibattitu mqanqal u mimli dikjarazzjonijiet iebsa dwar it-terroriżmu.
Minn dan id-dibattitu spikka kif l-Unjoni Ewropea trid li tipprovdi l-għajnuna lir-refuġjati li qed jaħarbu l-gwerer u l-estremiżmu iżda fl-istess waqt qed tinħass il-ħtieġa ta’ aktar kontrolli u l-introduzzjoni tal-PNR, sistema fejn jinġabru d-dettalji tal-persuni li jvjaġġaw bl-ajru u dawn jitqassmu mal-pajjiżi membri skont il-ħtieġa.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker ħabbar li x-xahar id-dieħel, il-Kummissjoni se tipproponi abbozz dwar il-kontroll tal-fruntieri u l-kosta Ewropea.
Appella biex il-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea jonoraw il-ftehimiet li nħtlaħqu mat-Turkija, aktar għajnuna lill-Ġordan u l-Libanu u l-fond ta’ €1.8 biljun li ġie ffirmat waqt il-Valletta Summit.
Iċ-Chairpersons tal-partiti l-kbar, Manfred Weber għall-PPE u Gianni Pittella għall-S&D qablu li għandhom jinġabru dettalji ta’ persuni li jivjaġġaw bl-ajru għall-kontrolli, speċjalment dawk li jkunu marru f’pajjiżi bħas-Sirja.
Pittella tkellem dwar il-bżonn tal-protezzjoni tad-data filwaqt li Weber qal li din l-informazzjoni trid tiġi kkordinata mal-Europol.
Interessanti kienu l-interventi ta’ Guy Verhofstadt u Marine Le Pen, fejn iċ-Chairperson tal-ALDE enfasizza li t-terroristi m’għandhomx fruntieri jew pajjiżi u sostna li jekk għandna nagħżlu bejn is-sovranitá u s-sigurtá huwa jagħżel is-sigurtá taċ-ċittadini.
Marine Le Pen iżda qalet li ħadd fil-plenarja ma semma’ b’ismu huma l-qattiela tal-innoċenti f’Pariġi.
Qalet li “dawn il-qattiela għandhom isem u huma l-fundamentalisti Iżlamiċi”. Tkellmet ukoll fit-tul kif il-ġiħadisti qed jidħlu fl-Ewropa mar-refuġjati Sirjani.
Kien hemm qbil iżda li x-Schengen trid tibqa’ fis-seħħ u jekk din tfalli jkun falliment għall-Ewropa kollha.
L-Ewroparlamentari u l-ħaddiema fil-Parlament Ewropew għamlu minuta silenzju b’tifkira tal-vittmi tat-13 ta’ Novembru f’Pariġi kif ukoll indaq l-innu nazzjonali Franċiż.