Il-PE japprova rapport ieħor li jirreferi għall-abort bħala dritt tal-mara

Il-Parlament Ewropew approva riżoluzzjoni dwar l-istrateġija għall-ugwaljanza bejn is-sessi.
Din ir-riżoluzzjoni ma torbotx lill-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea u ġiet approvata bi 341 vot favur, 281 kontra u 81 astensjoni.
Ir-rapport tar-riżoluzzjoni ġie ppreżentat mill-membru tal-Parlament Ewropew Maria Noichl tas-Soċjalisti u Demokratiċi.
Ir-riżoluzzjoni titlob li jittieħdu miżuri madwar l-Unjoni Ewropea biex fost iċ-ċittadini Ewropej inkluż dawk Maltin tiżdied l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa.
Ir-rapport iżda jitkellem fuq argumenti sensittivi fosthom li l-abort ikun legali u li n-nisa għandhom ikollhom id-dritt li jiddeċiedu huma fuq ġisimhom dwar l-abort.
Jingħad li jridu jsiru programmi edukattivi dwar is-sess fl-iskejjel.
Dan huwa t-tielet rapport fi ftit xhur, li ġie approvat mill-maġġoranza tal-membri tal-Parlament Ewropew, li fih issir referenza għall-abort bħala dritt.
L-aktar wieħed kontroversjali kien dak li tressaq mill-Belġjan Marc Tarabella.
Din id-darba wkoll il-membri tal-Parlament Ewropew tal-Partit Laburista ivvutaw kontra l-paragrafi li fihom issir referenza għall-abort iżda favur din ir-riżoluzzjoni.
Il-membri tal-Parlament Ewropew tal-Partit Nazzjonalista ivvutaw kontra r-riżoluzzjoni għaliex fiha ssir referenza għall-abort bħala dritt.
Il-membri tal-Parlament appellaw lill-Kummissjoni Ewropea sabiex jitressqu liġijiet Ewropej ġodda biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, b’mod speċjali l-vjolenza domestika.
Enfasizzaw li liġijiet ġodda għandhom jinkludu mezzi ġodda elettroniċi bħall-ibbuljar onlajn u cyber-harassment.
Sar enfasi fuq il-leave għall-paternità u l-maternità biex tikber il-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol.
Dan b’servizzi taċ-childcare tajbin u li jkunu aċċessibbli għal kulħadd.
Waqt id-diskussjoni fuq ir-riżoluzzjoni, il-membri tal-Parlament Ewropew qalu li jridu jiġu stabbiliti miri u jittieħdu azzjonijiet prattiċi sabiex tonqos id-diskriminazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa madwar l-Ewropa.