Il-PE japprova €3.08 biljun f’għajnuna tal-UE

Il-Parlament Ewropew approva pakkett ta’ €3.08 biljun f’għajnuna tal-Unjoni Ewropea li jkopri aktar testijiet, għajnuna lit-tobba, u lill-infermiera biex jieħdu ħsieb il-morda.

Fi stqarrija, il-PE qal li l-fondi tal-UE għandhom jappoġġjaw b’mod dirett is-sistemi tal-kura tas-saħħa fl-Istati Membri tal-UE fil-ġlieda tagħhom kontra l-pandemija tal-coronavirus. L-inizjattiva għandha tippermetti li l-UE tixtri provvisti mediċi urġenti, bħal maskri u tagħmir respiratorju, tagħmir mediku tat-trasport, tgħin il-pazjenti f’reġjuni transkonfinali, tiffinanzja r-reklutaġġ ta’ professjonisti tal-kura tas-saħħa biex jiġu skjerati fil-hotspots madwar l-Unjoni Ewropea, kif ukoll tgħin lill-Istati Membri biex jibnu sptarijiet mobbli fuq il-post.

Il-pakkett jinkludi fondi addizzjonali biex jiffinanzja titjiriet ta’ ripatrijazzjoni biex jerġgħu jingħaqdu l-familji li jinsabu f’pajjiżi terzi u biex jipprovdi aktar riżorsi għaċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard.

Il-MPE appellaw għal Skema permanenti Ewropea ta’ Riassigurazzjoni kontra l-qagħad u jixtiequ jistabbilixxu Fond ta’ Solidarjetà kontra l-Coronavirus tal-UE ta’ mill-inqas €50 biljun. Dan il-fond għandu jappoġġa s-setturi tal-kura tas-saħħa fl-Istati Membri kollha matul il-kriżi attwali, kif ukoll investimenti futuri sabiex is-sistemi tal-kura tas-saħħa jsiru aktar reżiljenti u ffukati fuq dawk l-aktar fil-bżonn.

Fis-sessjoni plenarja straordinarja tal-Ġimgħa, il-Parlament Ewropew approva l-pakkett “Corona Response Investment Iniative Plus” (CRII+) propost mill-Kummissjoni Ewropea fit-2 ta’ April permezz ta’ proċedura ta’ urġenza.

Fost l-oħrajn ġew approvati miżuri speċifiċi sabiex il-fondi tal-UE jkunu jistgħu jintużaw b’mod flessibbli. Il-miżuri adottati se jippermettu lill-Istati Membri jittrasferixxu r-riżorsi bejn it-tliet fondi ta’ koeżjoni ewlenin (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni), bejn il-kategoriji differenti ta’ reġjuni u bejn l-oqsma prijoritarji speċifiċi tal-fondi.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn