​Il-PE favur li tkun taf min huma s-sidien tal-kumpaniji tal-UE

Il-Parlament Ewropew ivvota biex fil-futur kull ċittadin ikun jista’ jkun jaf min huma s-sidien veritabbli tal-kumpaniji mill-Unjoni Ewropea.  
Fi stqarrija, il-Parlament Ewropew qal li din il-miżura tista’ tgħin biex jitrażżan l-użu ħażin tal-kumpanniji tal-isem li jinħolqu biex jinħasel il-flus, jinħeba l-ġid, u jiġu evitati t-taxxi.
Miżura addizzjonali għandha toffri l-istess aċċess għal informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji ta’ trusts u arranġamenti simili lil dawk li jistgħu juru “interess leġittimu”.
Muniti virtwali
Il-PE Ewropew ivvota wkoll għal miżuri ġodda li jtemmu l-anonimità assoċjata mal-muniti virtwali. Il-pjattaformi tal-muniti virtwali se jkollhom japplikaw kontrolli ta’ diliġenza dovuta tal-klijent, inkluż il-ħtiġijiet ta’ verifikazzjoni tal-klijent.
Protezzjoni tal-whistleblowers
Miżuri oħra inklużi fl-aġġornament tal-PE jinkludu wkoll il-protezzjoni ta’ whistleblowers li jirrapportaw il-ħasil tal-flus.
Il-Membru tal-Parlament Ewropew (MPE) Nazzjonalista Francis Zammit Dimech  qal li l-miżuri proposti huma pass 'l quddiem fil-ġlieda sabiex is-sistema bankarja Ewropea ma tintużax għall-ħasil tal-flus.
Il-MPE Laburista Marlene Mizzi qalet li l-metodu ta’ trasparenza huwa l-unika metodu pro-attiv li jipproteġi ċ-ċittadin Malti u Għawdxi.
L-istati membri jkollhom 18-il xhar biex jittrasponu r-regoli l-ġodda fil-liġi nazzjonali.