​Il-PE b’kumitat ġdid biex jinvestiga r-reati finanzjarji

Il-Parlament Ewropew iddeċieda li jwaqqaf kumitat speċjali ġdid dwar ir-reati finanzjarji, l-evażjoni fiskali u l-evitar tat-taxxi.
Il-kumitat huwa parzjalment riżultat tar-rivelazzjonijiet tal-Paradise Papers mill-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ) u se jibni fuq il-ħidma tal-kumitati TAXE 1 u 2 u l-inkjesta PANA li kienet twaqqfet biex tinvestiga l-iskandlu tal-Panama Papers.
Il-kumitat se jkun jikkonsisti f’45 membru, u għandu mandat ta’ 12-il xahar.  Il-kompożizzjoni tal-kumitat se tiġi deċiża fis-sessjoni plenarja ta’ Marzu.
Il-kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant u l-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli għamlu d-dikjarazzjonijiet tagħhom dwar dan il-kumitat.
Dr Sant insista li sistema komuni ta’ tassazzjoni fost l-istati membri kollha tal-UE tneħħi l-flessibilità fit-taxxa, li fi kliemu l-istati membri fil-periferija tal-UE għandhom bżonn biex jibqgħu kompetittivi fis-suq komuni u barra minnu.
Filwaqt li jaqbel li l-kompetizzjoni fit-taxxa għandha tkun ġusta, fi kliemu sistema komuni ta’ tassazzjoni fl-UE timmina s-sovranità tal-gvernijiet nazzjonali fid-deċiżjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ tassazzjoni fil-pajjiżi rispettivi.
Min-naħa tagħha, Dr Dalli saħqet li bħala rappreżentanta tal-poplu Malti għandha d-dover li tara li l-kumitat ma jservix ta’ ballun politiku jew jintuża biex tiġi attakkata s-sistema ta’ tassazzjoni Maltija.