Il-PD u l-PN isejħu dibattitu urġenti fil-Kamra dwar il-Power Station

Il-Partit Demokratiku sejjaħ għall-Aġġornament tal-Kamra fuq il-kwistjoni tar-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-Powerstation tal-Gass ta’ Delimara, għax qal li din hija materja ta’ importanza pubblika u urġenti.

Din is-sejħa saret ukoll mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, li fuq Twitter qal li se jitlob is-sospensjoni tal-aġenda parlamentari fis-seduta tal-lejla. Qal li fid-dawl tal-konklużjonijiet serji u urġenti, ir-rapport dwar l-Electrogas sar materja ta’ importanza nazzjonali u titlob għal dibattitu urġenti.

Iktar kmieni, il-kelliem tal-PD Timothy Alden iddeskriva lill-Ministru Konrad Mizzi bħala inkompetenti jew korrott għax ir-rapport tal-Awditur Ġenerali ma jħalli l-ebda dubju li ż-żewġ fatturi huma biżżejjed biex isejjħu għar-riżenja tiegħu.

Il-PD sostna li dan ir-rapport għandu jiġi diskuss minnufih fil-Kamra tad-Deputati għax qal li dan qed ikompli jqanqal dubji dwar kemm il-kuntratt tal-bini u l-operat tal-power station tal-gass f’Delimara hu nadif u ngħata wara proċess trasparenti.

Il-Partit Demokratiku saħaq li kull politiku għandu r-responsabiltà li jħares flus il-poplu u jitlob kontabiltà politika meta dan ma jseħħx. Kompla jgħid li r-rapport tal-Awditur Ġenerali juri li kien hemm inkompetenza grassa u saħaq dwar l-importanza li jsir dibattitu fil-Parlament biex jittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa.