Il-PD se jħabbar it-tmexxija u l-eżekuttiv il-ġodda sa Ottubru

Partit Demokratiku
Il-Partit Demokratiku ħabbar li beda miexi fil-fażi li jmiss, hekk kif l-Eżekuttiv tiegħu approva t-twaqqif tal-Kumitat ġdid, maħsub biex iwassal lill-partit fi triq ġdida. Għalissa, se jibqa’ l-Eżekuttiv kurrenti biex jieħu ħsieb l-andament tal-affarijiet, iżda l-Eżekuttiv u t-tmexxija l-ġodda tal-PD għandhom jitħabbru sa Ottubru.
Dan wara li l-Kap tal-PD Godfrey Farrugia ħabbar li l-eżekuttiv se jirreżenja u li hu mhuwiex beħsiebu jerġa’ jkun kap, wara li ħareġ għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u ma telax. Il-PD ma eleġġa lill-ebda kunsillier u lill-ebda MEP. Fl-elezzjoni tal-kunsilli kisbu dawn ir-riżultati: 3.07% f’San Pawl il-Baħar, 2.39% fil-Qrendi u 1.04% fil-Belt Valletta.
Il-Kumitat imwaqqaf se jirrevedi l-istatut tal-partit, u jibda diskussjoni fuq kif il-partit jista’ jservi lil Malta bħala l-aħħar bastun tagħha ta’ Oppożizzjoni soda, u joħroġ b’rakkomandazzjonijiet marbutin mal-għeruq tiegħu.
Il-partit waqqaf ukoll Kumitat għall-Evalwazzjoni tar-Riżultat Elettorali, liema evalwazzjoni għandha titħabbar f’Lulju.