Aġġornata: Il-PD kontra reklamazzjoni tal-art mill-MIDI

Il-Partit Demokratiku qal li huwa kontra li ssir reklamazzjoni tal-art mill-MIDI fil-proġett tagħhom tal-Manoel Island.

Fi stqarrija, il-PD qal li l-bini ta’ Malta issa hu bla kontroll. Spjega li l-Gvern issa tefa’ għajnejh fuq ir-reklamazzjoni tal-art mill-baħar meta m’hemmx Masterplan Nazzjonali u għadhom ma ġewx pubblikati strateġiji dwar is-suġġett.

F’reazzjoni qal dak li qal il-PD, il-MIDI qalet li r-reklamazzjoni tal-art quddiem il-Gżira mhix proposta ġdida.

“Jidher li issa wasal iż-żmien biex igawdu tal-MIDI bil-proġett tagħhom tal-Manoel Island. Intefa’ permess ġdid l-Awtorità tal-Ippjanar (PA/09407/17) biex isir dan bil-ħsieb li jsir reklamazzjoni tal-art min-naħa ta’ Manoel Island li tħares lejn ix-xatt tal-Gzira biex jinbnew serje ta’ blokki ta’ appartamenti għoljin għaxar sulari, għad-detriment tal-ftuħ tal-bajja, żvilupp urban, u l-interess pubbliku,” qal il-PD.

Il-kandidat għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-PD Anthony Buttigieg qal li “dan ifisser li aktar minn kwart tas-sit tad-daħla tal-baħar bejn ix-xatt tal-Gżira u Manoel Island, tul ix-xatt tat-tarzna tal-jottijiet sal-pont, se jiġi reklamat biex nakkommodaw lill-MIDI, waqt li aktar art reklamata fuq in-naħa tal-Gżira ser tingħata lil żewġ lukandi li huma bieb ma’ bieb biex ikollhom lido bejniethom. Dan ġenn. Dan għandu impatt qawwi negattiv.”

F’reazzjoni qal dak li qal il-PD, il-MIDI qalet li r-reklamazzjoni tal-art quddiem il-Gżira mhix proposta ġdida. Qalet li r-reklamazzjoni taż-żona bejn il-pont u l-yacht yard hija obbligazzjoni kuntrattwali mal-Gvern.

Skont il-MIDI, mhux korett li wieħed jgħid li trid tibni serje ta’ appartamenti ta’ għaxar sulari. Qalet li se jkun hemm bini li ma jaqbiżx l-erba’ sulari. Il-blokok residenzjali se jkunu qed jinbnew fuq sub structure, mibnija biex tospità toroq, parkeġġi, u infrastruttura, li testendi sa tmien metri ‘l fuq mil-livell tal-ilma. L-għoli tal-bini f’Manoel Island se jvarja minn 20.8 metru sa 27.5 metri meta mkejjla mil-livell tal-ilma medju.