Il-PD kontra kull tip ta’ estensjoni taż-Żona Industrijali ta’ Bulebel

Il-Partit Demokratiku (PD) qal li huwa kontra kull tip ta’ estensjoni taż-Żona Industrijali ta’ Bulebel.

Fi stqarrija il-PD qal li llejla se jiltaqa’ l-Kumitat Permanenti tal-Ambjent u l-Iżvilupp fuq it-talba tiegħu dwar l-estenzjoni taż-żona industrijali fiż-Żejtun.
Il-PD talab biex rappreżentanti tad-Dipartiment tal-Agrikoltura, tas-Sovritendenza tal-Wirt Kulturali, tal-Malta Industrial Parks (MIP), tal-Awtorità tal-Ippjanar, tal-Awtorità tal-Ambjent kif ukoll id-Direttur Ġenerali tal-Ambjent, is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar Chris Aguis u l-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona biex jixhdu quddiem il-kumitat.
Il-PD saħaq li l-inħawi rurali huma diskritti fil-Pjan Lokali tan-Nofsinhar ta’ Malta (2006) bħala art agrikola ta’ valur għoli li tinkludi Wied iż-Żring. Qed jingħad li l-proposta oriġinali ta’ 157,000 metru kawdru ta’ art li se ttieħed minn din iż-żona elenkata bħala ‘area for further studies’ se titnaqqas għal 48,000 metru kwadru bħala soluzzjoni ġustifikata tal-estenzjoni proposta.
Il-PD kompla jgħid li l-ebda metru kwadru m’għandu jittieħed minn din iż-żona agrikola għax la hu ġġustifikat b’mod xjentifiku u lanqas bi pjan ta’ sostenibbilità.
Il-PD fakkar li kien għamel diversi mistoqsijiet parlamentari f’Jannar dwar il-proposta tal-estenzjoni. Skont il-PD jistgħu jinstabu spazji battala f’żoni industrijali oħra madwar Malta fejn m’hemmx art agrikola.
Il-partit talab lill-Gvern biex iħaffef l-għaxar kawżi kontra sidien li jippossjedu fabbriki li jingħataw b’ konċessjonijiet u m’humiex  jintużaw kif suppost.