Aġġornata (2): Il-PD u l-PN iridu li l-Gvern jemenda xogħol il-Kummissarju tas-Saħħa

Il-Partit Demokratiku (PD) talab lill-Gvern biex jemenda xogħol il-Kummissarju tas-Saħħa, kif ukoll ħeġġu sabiex jippubblika l-partijiet moħbija mill-kuntratt bejn il-Gvern u l-Vitalis.
Il-PD kien qed jikkmmenta dwar it-tħassib tal-Ombudsman Anthony Mifsud, hekk kif dan ilbieraħ qal fi stqarrija li l-ħidma tal-Ombudsman qed titnaqqar minħabba l-privatizzazzjoni tat-tliet sptarijiet.
Ir-rapport annwali tal-Ombudsman 2016 jgħid li l-Ombudsman u l-Kummissarju tas-Saħħa mhux se jkunu jistgħu jaħdmu aktar fuq l-ilmenti tal-pubbliku u jinvestigaw dak li jkun qed iseħħ f’dawn is-setturi privati.
Il-PD rrimarka li dan ifisser li l-pazjenti u l-ħaddiema tal-isptarijiet privatizzati, jiġifieri l-isptar Ġenerali t’Għawdex, l-isptar Karin Grech u dak ta’ San Luqa, issa m’għandhomx min jaqbeż ghad-drittijiet tagħhom.
Huwa temm l-istqarrija tiegħu billi rrimarka li din il-problema hija riżultat ta’ nuqqas ta’ kunsiderazzjoni serja dwar kif il-privatizzazzjoni ta’ dawn l-oqsma tas-saħħa kien se jaffettwa lil min ikollu bżonnu.
Il-partit staqsa l-ewwel u qabel kollox għaliex ġie ffirmat kuntratt bejn il-Gvern u l-Vitalis, liema kuntratt għad hemm partijiet minnu mistura lill-pubbliku.
“Jeħtieġ jinbidel immedjatament l-Att dwar l-Ombudsman”
Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista għas-Saħħ, Claudette Buttigieg, qalet li jekk l-affarijiet jibqgħu kif inhuma, bl-uniku sptar f’Għawdex privatizzat, l-Għawdxin se jkunu tilfu dritt fundamentali tas-saħħa.
Hija kkummentat ukoll dwar in-nuqqas ta’ trasparenza fl-iffirmar tal-kuntratt bejn il-Gvern u l-VGH, xi ħaġa li l-PD għamel ukoll, u kompliet billi semmiet kif dal-kuntratti ġew iffimrati jumejn biss qabel ma nfetħu l-kumpaniji fil-Panama.
"L-Għawdxin se jkollhom l-aqwa sptar ta' kwalità, b'xejn"
B'reazzjoni għall-kummenti tal-PN dwar l-Isptar Ġenerali t'Għawdex, il-PL qal li bl-isħubija strateġika bejn il-Gvern u l-Vitalis, il-pazjenti Għawdxin l-aktar li se jawdu.
Il-PL semma kif anki l-eks-Deputat Nazzjonalista, Alebrt Fenech, qal li bħalissa qed jingħadu affarijiet dwar l-isptar ta' Għawdex li mhumiex vera.