Il-PD jrid li jogħla l-massimu ta’ dħul biex familja tingħata sussidju fuq id-dar

Il-Partit Demokratiku jrid li l-massimu ta’ dħul għal familja biex tkun eliġibbli għas-sussidju mill-Gvern meta tiġi biex tixtri dar għandu jogħla biex jintlaħqu aktar familji.
Faħħar il-miżura li tħabbret mill-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon, u d-diriġenti tal-Bank of Valletta biex jgħinu dawk li iridu jixtru dar b’valur ta’ inqas minn 120,000 euro.
Fi stqarrija l-Partit tal-Oranġjo qal li dan hu pass fid-direzzjoni t-tajba biex jiġu megħjuna dawk li la jaffordjaw biex jixtru post biex jgħixu u la jifilħu jħallsu l-kirijiet eżaġerati.
Madankollu nnota li n-numru ta’ djar li qed jiġu offruti għall-akkomodazzjoni soċjali, jiġifieri 600, mhuwiex biżżejjed biex ilaħħaq man-nies li hemm jistennew fil-lista tal-Awtorità tad-Djar, jiġifieri 3,500.
Għalhekk il-PD talab biex l-iskema mnedija ftit jiem ilu mal-BOV tiġi estiża għal dawk li għandhom introjtu iktar għoli minn dak li hu previst fl-iskema għax anki huma jinsabu f’diffikultà biex jixtru fejn jgħixu.
Semma l-White Paper li qed titħejja bħalissa, u xtaq li jkun hemm inkliż dawn l-affarijiet;

  • mudell ta’ ‘rent-to-buy’ b’self ta’ imgħax baxx
  • taxxa fuq min jibni għoli ħafna għan-negozju
  • appartamenti vojta jinkrew lid-Dipartiment tal-Akkomodazzjoni Soċjali
  • sussidju fir-restawr ta’ bini antik biex titħares id-dar tipikament Maltija

Temm jitlob biex tinstab soluzzjoni biex min għandu xi tip ta’ diżabbilta jew għax kbir fl-età jkun jista’ xorta waħda jissellef.