Il-PD irid li jirriżenja s-CEO ta’ Projects Malta

Il-Partit Demokratiku jrid li l-Kap Eżekuttiv ta’ Projects Malta, l-Inġinier James Camenzuli, jirriżenja.
Ir-raġuni għal dan hu li, skont il-PD, dil-kumpanija mhix taġixxi l-ewwel u qabel kollox fl-interessi tal-poplu Malti, u lanqas qed tuża bl-aħjar mod li tista’ l-assi Maltin.
Projects Malta hi kumpanija tal-Gvern li tikkordina u tiffaċilita x-xogħol bi sħab bejn il-privat u l-Gvern.
Il-Partit tal-Oranġjo qal fi stqarrija li l-kuntratt mal-VGH juri li l-Gvern, bil-għajnuna ta’ din l-entità, qed jagħtu dak li hu Malti lil investituri li lanqas għandhom biex iħallsu b’kemm jiswew dawn l-assi, aħseb u ara jmexxu l-qasam tas-saħħa f’Malta.
Semma wkoll lill-uffiċjali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, li skont il-PD qed jilagħbu bl-assi tal-poplu f’negozjati deksritti bħala “dubjużi”, bil-poplu jsir jaf dwar id-dettalji fil-kuntratti mill-midja għax il-Gvern jaħbihom.
Il-PD sejjaħ lil dawn l-uffiċjali bħala nies “mhux ta’ min jafdahom”, għax jidhirlu li dawn mehdija jaħdmu kontra l-interess nazzjonali.
Fl-istqarrija l-partit isemmi lil Keith Schembri u Konrad Mizzi.
“Il-Labour għandu l-mandat biex jiggverna, u kapaċi jagħmel dan mingħajr dawn il-potenzjali ta’ kriminali li qed jiġbdu magħhom lill-pajjiż f’abbiss”, ittemm tgħid l-istqarrija.