​Il-PD jitlob lura l-art ta’ Bormla ma’ dik taż-Żonqor

Il-Partit Demokratiku qal li minbarra l-art taż-Żonqor, il-poplu Malti għandu jingħata wkoll lura l-art tal-Baċir Numru Wieħed f’Bormla li ngħatat lill-Università Amerikana ta’ Malta.
Fl-istess waqt sejjaħ lill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Ogħla Edukazzjoni biex tirrevoka l-liċenzja għall-edukazzjoni terzjarja li ngħatat lill-Università Amerikana ta’ Malta.
Il-PD qal li qed jitlob dan fl-isfond tal-aħħar żviluppi fosthom it-tkeċċija tal-impjegati ma’ din l-Università u għadd ta’ studenti li ma jissodisfax il-kriterji. Saħaq li dan huwa importanti biex titħares ir-reputazzjoni ta’ Malta fil-qasam edukattiv.
Il-Patit Demokratiku kompla jgħid li l-Università Amerikana ta’ Malta mhi xejn ħlief inizjattiva kummerċjali li falliet, u li l-Gvern għandu jindirizza mill-ġdid l-istrateġija tiegħu fil-qasam edukattiv. Temm jgħid li proġetti bħal dawn joffru ftit li xejn lill-poplu Malti, iżda jservu biss biex jgħinu lil ftit persuni magħżula.